Lokali Qorti

Tnejn mill-Georgia mixlija li serqu minn 15-il residenza

Żewġt irġiel mill-Georgia li jaħdmu fil-kostruzzjoni ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li kkommettew serq minn fuq xejn anqas minn 15-il residenza privata. Kakhaber Cherkezishvili ta’ 45 sena u Aleko Xomasuridze ta’ 38, caħdu li daħlu jisirqu minn diversi residenzi privati.

L-Ispetturi Christine Delia, Joseph Mercieca u Ryan Vella xlewhom li minn nofs Jannar sa l-aħħar jiem daħlu jisirqu minn djar f’Birżebbuġa, Ħaż-Żebbuġ, in-Naxxar, ir-Rabat u Ħ’Attard. Is-serq kien jikkonsisti fi flus kontanti u oġġetti li jinkludu ġojjellerija, ħwejjeġ, u fwejjaħ.

L-irġiel ġew mixlija wkoll bi sħubija f’allegat ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali u li saru reċidivi b’diversi sentenzi mill-Qorti. Il-Pulizija qalu li uffiċjali mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri arrestaw lill-irġiel il-Ġimgħa waranofsinhar fl-appartament fejn kienu qed jgħixu f’Ħaż-Żabbar.

Sostnew li minn hawnhekk elevaw ħafna mill-affarijiet li ġew irrapportati misruqa. Ġie spjegat li uħud mill-oġġetti ġew identifikati mill-vittmi ta’ dan is-serq. L-irġiel wieġbu mhux ħatja u nżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Għall-imputati dehret l-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana.