Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs fuq sejba ta’ droga 12-il sena ilu

Raġel ta’ 34 sena mill-Fgura mar disa’ xhur ħabs fuq sejba ta’ eroina u kokaina, każ li jmur lura kważi 12-il sena, liema droga nstabet f’appartament f’Ħal Tarxien fejn kien jgħix. Waqt tfittxija f’April tal-2010, fil-kamra tas-sodda ta’ Muscat instabu tmint iqratas bid-droga eroina u tlett iqratas oħra bil-kokaina, kif ukoll ammont żgħir ta’ raża tal-kannabis.

Rodrick Muscat instab ħati mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li kien fil-pussess tal-eroina u l-kokaina f’ċirkostanzi li juri li ma kinux għall-użu ekslussiv tiegħu, u li huwa riċediv. Muscat ammetta li kien fil-pussess tad-droga, iżda ċaħad li kienet għat-traffikar, u sostna li kienet biss għall-użu tiegħu. 

Sostna li kien jieħu gramma eroina kuljum, u għalhekk kien jixtri ħames grammi biex iservuh għal sebat ijiem. Il-Qorti, m’emmnitx lil Muscat fuq dan il-punt fejn qalet li sitta mill-qratas bl-eroina kellhom piż simili ħafna, u l-fatt li nstab miżien fl-istess kamra u l-mod preċiż kif kienu maqsuma jindika mod ieħor.

Il-Qorti qalet ukoll li filwaqt li l-ammonti mhux kbar, lanqas ma huma ammonti li wieħed jassoċja ma’ użu personali tad-droga. Aktar minn hekk Muscat ma kellux il-mezz biex jixtri daqstant droga għall-użu personali, għax dan kien jgħix b’€100 fil-ġimgħa f’benefiċċji soċjali u bi ftit għajnuna mill-familjari, iżda bl-ammonti li nstabu, kellu bżonn €1,000 fix-xahar għall-eroina biss.

Minkejja li għadda ħafna żmien mis-sejba tad-droga, l-Qorti qalet li d-dewmien fil-proċeduri kienu fil-biċċa l-kbira tort ta’ Muscat. Huwa ma nstabx ħati fuq il-pussess tal-kannabis, iżda nstab ħati tal-akkużi l-oħra. Minbarra sentenza effettiva ta’ ħabs, huwa kien immultat €900 u ġie ordnat iħallas €680 għall-ħatra tal-esperti tal-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Pierre Grech.