Il-Bank HSBC kellu suspett qawwi fiż-żagħżugħ Christian Borg hekk kif ftit xhur biss wara l-famuz deal ma’ Robert Abela, il-bank kien baghat ittra uffiċjali biex jistaqsi kif kellu s-saħħa li jixtri lukanda ta’ żewġ miljuni f’età daqshekk żgħira.
Fl-aħħar ġimgħat Christian Borg, ta’ 28 sena, spiċċa fuq fomm kulħadd b’rabta ma deal ta’ proprjeta mal-Mexxej tal-Labour Robert Abela. Filwaqt li Abela ta x’jifhem li hija xi ħaġa mill-aktar normali li jagħmel business ma’ xi ħadd li m’għandux idea mnejn iġib ġidu – għal Bank HSBC dan ma kienx il-każ. Anżi, il-bank qajjem suspetti enormi. Tant li meta ż-żagħżugħ prova jixtri lukanda f’Buġibba fl-2019, li tiswa l-miljun tal-ewro, minnufih bdew id-domandi fuqu.
F’korrispondenza permezz ta’ e-mail, preżentata fil-Qorti, intqal kif l-HSBC riedu jkunu jaf ġab dawk il-flejjes kollha. Huwa ġie mistoqsi biex jelabora kif għamel daqshekk flus f’età żgħira kif ukoll kif irnexxielu jixtri mal-100 karozza f’sena waħda biss minn business tal-kiri tal-vetturi.
Il-bank spjegalu li din l-informazzjoni kienet essenzjali għalihom sabiex jifhmu kif spiċċa f’din il-pożizzjoni f’età daqshekk żgħira.
Madankollu, meta Borg ta l-ispjegazzjoni tiegħu jidher li ma kienx biżżejjed għal Bank … hekk kif l-offerta tiegħu kienet ġiet rifjutata.
Mistoqsi mill-ġurnal Times of Malta u minn diversi ġurnalisti oħra Robert Abela l-ewwel kien ammetta li kellu x’jaqsam f’deal ma’ Christian Borg. Iżda imbgħad irrifjuta li jgħid fost oħrajn kemm għamel profitt mid-deal…sakemm inkixef mit-Times stess.
€45,000. Daqshekk għamel qliegħ Abela minn deal li daħal fih fl-istess ġurnata li fiha l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess li tinbena blokka ta appartamenti fuq dan il-plot… dan filwaqt li Abela kien konsulent legali tal-Planning Authority.
Robert Abela qed jirrifjuta li jispjega kif spiċċa involut fid-deal ma’ Borg – kif ukoll, qed jaħrab milli jwieġeb dwar jekk kienx involut f’deals simili oħrajn.
