It-Tmexxija tal-Belarus warrbet għall-politika li tirrifjuta l-istatus ta’ pajjiż bil-kapaċità nukleari. Dan il-pass, intant, qed jagħmilha possibbli biex ir-Russja tistazzjona l-armamenti nukleari tagħha fit-territorji tal-Belarus.
Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal, intant, li l-Belarus ‘qed jgħin biex il-gwerra tkompli fl-Ukrajna’. Hu kompla li l-offensiva tar-Russi fuq l-ibliet Ukreni hi totalment inaċċettabbli u li l-Belarus qed tixpruna l-kriżi minkejja l-aħħar stqarrijiet li mgħandhiex tissieħeb fil-konflitt.
Fl-istess ħin, Stoltenberg irrepeta li n-NATO hi alleanza għal difiża u li din l-Alleanza tal-Punent mhix qed taħseb biex tidħol f’konflitt militari mar-Russja.
Sadanittant, l-Ukrajna qed tgħid li s-suldati tal-Belarus ‘qasmu l-fruntiera’ biex jissieħbu fl-invażjoni tar-Russja avolja l-President tal-Belarus, Aleksandr Lukashenko, tenna li mhux beħsiebu jidħol ‘fil-gwerra ta’ Putin’.
Il-Parlament fi Kiev qal li t-truppi tal-Belarus, fl-aħħar sigħat, daħlu r-reġjun ta’ Chernihiv, b’numru ta’ sorsi jsostnu li l-Gvern ta’ Minsk ‘minn issa sar estensjoni tal-Kremlin ta’ Moska’.
Aleksandr Lukashenko, sadanittant, wieġeb li qed jibgħat aktar mill-qawwiet tiegħu lejn il-fruntiera ‘bil-għan li jevita kwalunkwe provokazzjoni militari’.
//= $special ?>