Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Britanniċi lesti biex iżidu s-sanzjonijiet kontra r-Russja

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, waqt żjara fil-Polonja, għamilha ċara li pajjiżu se jżid ‘il-pressjoni ekonomika’ fuq ir-Russja permezz tas-sanzjonijiet.

Boris Johnson, waqt laqgħa mal-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki, qal ukoll li l-Mexxej Russu  Vladimir Putin ma kkalkulax id-determinazzjoni u rieda tal-poplu Ukren biex jiddefendi pajjiżu kontra l-invażjoni mill-qawwiet ta’ Moska.

Johnson żied li l-pakkett tas-sanzjonijiet hu fost l-aktar miżuri b’saħħithom u determinanti kontra r-Russja u li ftit hemm dubju li s-sanzjonijiet qegħdin iħallu l-effett. Dan meta pajjiżu għandu jintensifika s-sanzjonijiet fuq Moska għaż-żmien kollu li hemm bżonn.

Madankollu, Boris Johnson ammetta wkoll li l-invażjoni tal-Ukrajna qed tħalli konsegwenzi agħar milli kien mistenni fil-jiem ta’ qabel l-attakki. Hu fisser l-aħħar żviluppi bħala diżastru għall-kontinent Ewropew u meta l-Polonja tinsab qrib ħafna z-zona tal-gwerra.