Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Finlandja tista’ tiddibatti l-isħubija fin-NATO minkejja t-theddida ta’ Moska

Id-deputati fil-Parlament tal-Finlandja qed jiddiskutu kif  għandhom jitrattaw petizzjoni li ssejjaħ għal vot dwar l-isħubija potenzjali tal-pajjiż fin-NATO. Dan il-pass – jekk iseħħ – żgur li jiġbed l-għadab tar-Russja meta l-President Vladimir Putin diġà ħareġ b’theddid ċar fir-rigward ta’ dan il-pajjiż u l-Iżvezja f’każ li huma javviċinaw ‘l-orbita’ tal-Alleanza tal-Punent.

Intant, stħarriġ tal-opinjoni pubblika uriet bidla notevoli f’kif il-Finlandiżi – residenti f’pajjiż li dejjem emmen fin-newtralità – qed jaħsbuha dwar il-futur ta’ pajjiżhom wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Il-Prim Ministru tal-Finlandja, Sanna Marin, qalet, intant, li d-dibattitu fil-Parlament qed jitratta s-sitwazzjoni fl-Ukrajna u mhux qed jinvolvi daqstant ‘diskors iddettaljat dwar il-politika ( Finlandiża) li tirrigwarda xi forma ta’ alinjament militari.’

Madankollu, Marin sostniet li ‘jagħmel sens’ li l-prospett tas-sħubija fin-NATO ikun trattat bix-xieraq u skont il-kriterji tad-demokrazija. Dan wara li petizzjoni taċ-ċittadini li qed titlob dibattitu fil-Parlament dwar referendum potenzjali ( dwar l-isħubija fl-Alleanza tal-Punent) kisbet il-50,000 firma neċessarji biex id-dibattitu jsir fl-Assemblea ta’ Helsinki.