L-Uffiċjali tal-Punent qalu li l-militar tar-Russja qed iwettaq sensiela ta’ żbalji waqt l-invażjoni tal-Ukrajna. L-indikazzjonijiet – fis-sitt jum tal-invażjoni – qed juru li l-Armata ta’ Vladimir Putin mhux talli faċċjat l-isfidi kbar li ma stennietx fil-bidu iżda ‘qed tara b’għajnejha’ il-kapaċitajiet militari tal-Ukreni u d-determinazzjoni u rieda tal-poplu li jiddefendi artu sal-aħħar nifs.
Il-problemi ta’ loġistika għadhom qed itellfu l-pjani ta’ Putin biex jikkonkludi malajr l-offensiva fuq il-ġar. Dan waqt li l-provvisti tal-munizzjon u affarijiet oħra essenzjali mhumiex jaslu fil-ħin lill-qawwiet Russi fil-kampijiet tal-battalja u li qed javvanzaw fuq Kiev u bliet Ukreni oħra.
Aspett kruċjali ieħor hu li r-Russja, s’issa, falliet bil-kbir fl-attentati biex telimina s-sistemi tad-difiża Ukreni għal kontra l-attakki mill-ajru.
Sadanittant, il-qawwiet Ukreni qegħdin jiġġieldu ‘fuq l-istil ta’ gwerrillieri’ fid-diversi fronti u meta s’issa wettqu l-kontra-attakki effettivi fuq ir-Russi. Hawnhekk spikkat il-qerda ta’ konvoj ta’ ġellieda Ċeċeni – alleati ta’ Putin – li kien ftit ‘il barra minn Kiev u fejn anki safa’ maqtul Ġeneral Ċeċen ewlieni.
Fl-istess ħin – u waqt li r-Russi qed jippersistu bil-bumbardamenti tal-inħawi ċivili – il-qawwiet u l-milizzji Ukreni qegħdin anki jiddefendu liz-zoni urbani fejn il-qawwiet ta’ Moska sabuha diffiċli biex jimmanuvraw u jilħqu l-objettivi militari.
Madankollu, l-uffiċjali tal-Punent huma wkoll inkwetati dwar iż-żieda fl-isparaturi tar-rokits u l-artillerija tar-Russi fuq Kiev, il-kapitali Ukrena u l-belt ta’ Kharkiv. Dan meta l-qawwiet Russi komplew jinsistu bil-baraxx tal-bombi u l-missili fuq l-ibliet prinċipali Ukreni, fost iż-żieda sostanzjali tal-vittmi ċivili.
//= $special ?>

