Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qed jakkuża lir-Russja bħala ‘Stat li qed iwettaq l-atti terroristiċi fuq iċ-ċivili tal-ġar’. Dan wara li l-qawwiet ta’ Moska komplew b’sensiela ta’ bumbardamenti qattiela fuq Kharkiv – it-tieni l-akbar belt Ukrena u ċentru għall-kumpanniji tat-teknoloġija.
Intant – u waqt li l-invażjoni mill-qawwiet Russi daħlet fis-sitt jum – Zelensky ikkundanna l-attakki kontinwi fuq Kharkiv bħala reat tal-gwerra u sostna li l-Armata tal-President Russu Vladimir Putin qed tikkonċentra ‘speċifikament’ fuq il-miri ċivili bħala ‘strateġija inaċċettabbl ta’ intimidazzjoni’.
Zelensky, waqt indirizz lill-Parlament Ewropew permezz ta’ videolink, qal li l-bumbardamenti fuq iċ-ċentru u l-bini amministrattivi ta’ Kharkiv iridu jitqiesu bħala ‘delitt li jinkwadra f’attentat minn Gvern barrani għall-qerda ta’ poplu’.
Hu kompla li pajjiżu, l-Ewropa u d-dinja għandhom id-dritt li jwaqqfu l-attakki bil-bombi u l-missili ‘mill-qawwiet tal-ħażen’. Dan biex huma jwasslu l-messaġġ ‘li l-umanità għandha l-kapaċità biex tipproteġi lilha nnfisha’.
Aktar qabel hu bagħat ritratt fuq il-media soċjali fejn jidher qed jiffirma applikazzjoni għall-isħubija tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>

