L-esperti u l-analisti tal-gwerra qed jiddubitaw kemm ir-Russja tiflaħ tippersisti bil-konflitt fl-Ukrajna….Konflitt li qed jiswa lill-pajjiż talanqas 15-il biljun Sterlina kuljum u li żgur mhux qed jintlaqa’ tajjeb minn għexieren tal-eluf tar-Russi f’Moska, San Pietruburgu u bliet oħra tal-pajjiż.
Sallum, is-sinjuruni Russi – ħbieb ta’ Vladimir Putin – qed jiffaċċjaw is-sanzjonijiet riġidi waqt li l-valur tar-Rubli ( il-munita tar-Russja) kkrolla għal livell ‘storikament negliġibbli’. Ir-Russja kollha qed tħoss bil-kbir l-impatt tas-sanzjonijiet, bl-umiljazzjoni qed tkompli bit-tkeċċija tal-entitajiet sportivi (Russi) kważi kollha mill-kompetizzjonijiet internazzjonali.
Wara li l-pajjiżi Ewropej għalqu l-ispazji tal-ajru għat-titjiriet mir-Russja, il-pajjiż ta’ Putin, issa, qed jiffaċċja wkoll restrizzjonijiet notevoli fejn jidħol l-ivvjaġġar mill-baħar.
Fl-istess ħin, il-Qorti Kriminali Internazzjonali ħabbret li se tinvestiga l-allegati reati tal-gwerra tar-Russja fl-artijiet tal-Ukrajna.
//= $special ?>