‘
Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, waqt diskors lill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diżarm, ipprova jiġġustifika l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ pajjiżu, Hawnhekk spikka l-kumment li ‘l-azzjonijiet militari attwali (fl-Ukrajna) qed isiru biex jevitaw il-possibbiltà li l-Gvern fi Kiev, xi darba, jikseb l-armi nukleari’.
Lavrov, li ma setax jivvjaġġa lejn Ġinevra (fl-Iżvizzera) fejn qed issir il-laqgħa, sostna– f’messaġġ irrekordjat minn qabel — li ‘wasal iż-żmien biex l-Istati Uniti tirtira l-armamenti nukleari mill-Ewropa.’
Hu kompla li r-Russja lesta biex tiddiskuti l-istabbilità strateġika mal-Istati Uniti iżda wissa mill-ġdid li l-Punent mgħandux jibni l-faċilitajiet militari fil-pajjiżi tal-eks Unjoni Sovjetika.
Mal-bidu tax-xandira tad-diskors ta’ Lavrov, l-ambaxxatur tal-Ukrajna, segwit mill-ambaxxaturi tar-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn tar-UE ħarġu ‘l barra mis-sala fejn qed issir il-konferenza.


