Ewropa

Il-pajjiżi Ewropej għandhom iwaqqfu immedjatament kull bejgħ ta’ ċittadinanza lir-Russi – Roberta Metsola

L-Istati Membri ma jistgħux ikomplu jbigħu l-Passaporti lil Russi b’riskju għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea.

Hekk appellat il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola matul Sessjoni Plenarja Straordinarja tal-Parlament Ewropew fi Brussell, li trattat l-aggressjoni mir-Russja fuq l-Ukrajna.

F’isem il-Parlament Ewropew, Roberta Metsola kkundannat l-aggressjoni, filwaqt li esprimiet solidarjetà mal-vittmi u ma’ min qed ibati. U f’aktar appoġġ lejn l-Ukrajna u l-poplu, qalet li l-Unjoni Ewropea se żżomm lill-President Russu Vladimir Putin akkontabbli għal għemilu.

Il-President tal-Parlament Ewropew faħħret l-eroiżmu straordinarju tal-Ukreni, li qalet li għandha tispirana, fosthom l-anzjani li wkoll qed jieqfu lir-Russi u juruna li l-istil ta’ ħajjitna għandu jkun difiż.

Hi spjegat li Russi mhumiex aċċettati jidħlu fil-bini tal-Parlament Ewropew għax aggressur m’għandhomx post fid-dar tad-demokrazija. U bl-istess mod, l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ taċċetta flus mingħand Russi fil-bliet u l-villaġġi tagħhom jew li portijiet Ewropej jaċċettaw dgħajjes u vapuri.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li mingħajr l-Unjoni Ewropea, l-Ukrajna tkun waħedha, filwaqt li bl-Ukrajna, l-Ewropa tkun aktar b’saħħitha. Hu faħħar il-qlubija tal-Ukreni, li sejħilhom poplu inkredibbli, filwaqt li qal li hu kburi li l-pajjiż jinsab magħqud fil-ġlieda għal-libertà u d-drittjiet, iżda wkoll għall-ħajja.

Dan meta l-pajjiż qed jgħix żmien fejn l-Ukreni lanqas biss jafu jekk din hix se tkun l-aħħar ġurnata tagħhom, f’diskors deskritt mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa bħala wieħed storiku u emozzjonanti.

Segwi l-laqgħa tal-Parlament hawn.