“Magħna tkun kburi li inti Malti; mhux biss għax ngħollu isem pajjiżna fejn jixraqlu, iżda għax se nippromwovu wkoll l-Ilsien Malti, il-Kultura, l-Arti u l-Artiġġjanat Malti b’kull mezz. Dan hu investiment fil-pajjiż tagħna” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politka fiż-Żejtun fejn kompla jispjega fid-dettall il-ħafna proposti li ħareġ il-PN fil-Programm Elettorali li nieda fi żmien 100 siegħa minn meta bdiet il-Kampanja elettorali.
Bernard Grech saħaq li rridu nuru bil-fatti kemm aħna kburin li aħna Maltin, billi nimbuttaw il-prodott u l-identità Maltija f’kull okkażjoni, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Dan filwaqt li stqarr li jekk jingħata l-fiduċja, se jaċċerta li jkun “ambaxxatur tal-identità Maltija li tagħmilna uniċi fid-dinja.”
Il-Kap tal-PN iddikjara li Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jippromwovi l-ħidma tal-NGOs fejn spjega kif il-PN irid jagħti ħajja u dinamiżmu ġdid lis-settur tal-volontarjat u l-NGOs. Dan joħroġ biċ-ċar fi proposti li jinkludu t-tneħħija ta’ piżijiet sproporzjonati li tefa’ l-Gvern Laburista fuq l-għaqdiet volontarji, primarjament billi titnaqqas il-burokrazija fuq l-operat amministrattiv tal-għaqdiet.
Il-proposti tal-PN għal dan is-settur jinkludu wkoll programm nazzjonali ta’ appoġġ għall-għaqdiet volontarji biex jippromwovu l-artiġġjanat, it-tradizzjonijiet lokali u l-interessi speċjali biex tkun żgurata l-konservazzjoni u s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom.
Waqt id-diskors tiegħu, Bernard Grech wera biċ-ċar kemm hu għal qalbu l-Ilsien Malti fejn spjega kif bil-għan li jitħaddan dan il-valur tagħna l-Maltin, kemm dak miktub u dak mitkellem, PN fil-Gvern se jwaqqaf ‘Dar tal-Malti’ li fiha tiġbor lil kittieba, awturi, entitajiet rappreżentattivi u s-settur privat biex isservi ta’ xprun ewlieni li tippromwovi u tinċentiva l-użu tal-lingwa Maltija kemm f’pajjiżna u anke lil hinn minnha.
Minn meta sar Kap tal-PN, Bernard Grech, tkellem ħafna dwar is-settur tal-arti, u xhieda ta’ kemm hu meqjus suġġett ta’ importanza għall-PN, fil-programm elettorali hemm numru kbir ta’ proposti dwar dan is-settur.
Filfatt, Gvern ġdid tal-PN se jappoġġja lil dawk li jaspiraw għal karriera fl-arti billi jinċentivahom bi skemi biex ikunu jistgħu jtejbu t-talent tagħhom u jesebixxuh lokalment u barra minn xtutna. Bernard Grech saħaq li “għalhekk niżguraw rata tat-taxxa ta’ 5% fuq l-ewwel €80,000 tad-dħul lill-persuni kollha rreġistrati bħala artisti professjonali fid-diversi oqsma.”
Il-Kap tal-PN saħaq li “jeħtieġ nippromwovu u ninkoraġġixxu Maltin li bit-talenti tagħhom jagħmlulna reklam anki barra minn xtutna.” Bernard Grech sellem lill-awturi, kittieba, poeti, sportivi, coaches, produtturi ta’ films u arti oħra, u bl-aktar mod ċar wiegħed li ser ikun magħhom biex huma jwessgħu l-orizzonti tagħħom.
//= $special ?>