“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun il-leħen tar-residenti tat-3 Distrett u tan-naħa t’isfel ta’ Malta”. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li se jkunu qed jikkontestaw fuq it-3 Distrett elettorali waqt attività politika fiż-Żejtun.
Il-kandidat John Baptist Camilleri qal li fl-aħħar tmien snin kien hemm numru ta’ kwistjonijiet ambjentali fin-naħa t’isfel ta’ Malta, u kien grazzi għall-Partit Nazzjonalista li dawn twaqqfu. Baptist Camilleri fakkar kif il-Gvern Laburista prova jagħmel pixxina f’Wied il-Għajn, jibni Università Amerikana fiż-Żonqor u Yacht Marina f’Marsaskala, liema proġetti twaqqfu milli jsiru wara pressjoni mill-Partit Nazzjonalista.

Camilleri tkellem ukoll dwar l-Air Malta u kif fl-aħħar ġimgħat aktar minn 600 impjegat kellhom jfittxu mpjieg ieħor wara li l-pjan tal-Gvern ta’ ristrutturar tal-linja tal-ajru nazzjonali ma kienx approvat mill-Unjoni Ewropeja.
Janice Chetcuti, ukoll kandidata fuq it-3 Distrett qalet il-Partit Nazzjonalista huwa tim magħqud li qed jaħdem flimkien favur għan wieħed u dan deher biċ-ċar hekk kif irnexxielu jwaqqaf erba’ proġetti ta’ sfreġju ambjentali milli jsiru fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Chetcuti faħħret il-ħidma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li ta’ kuljum qed jisma’ u jindirizza l-problemi tal-poplu Malti u Għawdxi u dan deher biċ-ċar fil-Programm Elettorali li tħabbar biss wara 100 siegħa mill-bidu tal-Kampanja Elettorali.
Il-kandidat Errol Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-kultura Maltija u b’hekk se jkun qed jara li l-festi fis-sajf li ġej isiru b’mod sħiħ. Cutajar fakkar kif il-Gvern Laburista abbanduna lir-residenti tat-3 Distrett u huwa biss il-PN li jista’ jerġa jagħti l-ħajja lil dan id-distrett.

Errol Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista permezz tal-Programm Elettorali laħaq lil kull settur u delizzju, fosthom lill-kaċċaturi u lin-nassaba, hekk kif il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li jerġgħu jinfetħu negozjati mal-Unjoni Ewropea biex ikun assigurat li jerġa jinkiseb id-dritt għal kaċċa fir-rebbiegħa.
Carm Mifsud Bonnici fetaħ id-diskors tiegħu billi bagħat messaġġ ta’ appoġġ lill-poplu tal-Ukrajna li bħalissa għaddej minn mument diffiċli ta’ gwerra inġusta u attakk fuq il-libertà u d-demokrazzija tal-pajjiż. Mifsud Bonnici semma kif il-Partit Nazzjonalista ma jaqta’ qalbu qatt u hekk irid jagħmel ukoll il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-kandidat tal-PN sellem ukoll il-ħidma ta’ Mario Galea li għal bosta snin serva bħala deputat tat-tielet distrett filwaqt li fakkar ukoll l-impenn ta’ Alexander Cachia Zammit u Joe Psaila Savona.
Minn naħa tagħha, il-kandidata Mary Muscat tkellmet dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-persuni b’diżabbilità, u waħda mill-proposti hija dik ta’ ‘Pjan għall-Ulied’ fejn meta l-ġenituri jiġu neqsin, l-ulied ikunu jistgħu jkomplu jgħixu f’dinjità.

Muscat semmiet ukoll l-importanza li l-Qorti tat-tfal tissaħħaħ permezz ta’ aktar esperti f’dan il-qasam. Dan meta kull ma jmur il-każijiet qed ikomplu jiżdiedu.
Leone Sciberras qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-unika alternattiva għall-Gvern Laburista, li jistħi jsemmi l-passat tiegħu, għall-kuntrarju tal-PN, li għandu passat li se jkun qed jgħinna biex inkomplu nagħmlu ġid għall-pajjiżna.

Sciberras indirizza lil dawk il-ħaddiema tal-Gvern li bħalissa qed ikunu imbeżża’ bl-impjieg tagħhom mill-Partit Laburista. Minn naħa tiegħu hu assigura li Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħmel ċert li dawn il-ħaddiema jkollhom xogħolhom sigur.
Fid-diskors tiegħu, il-kandidat Stephen Spiteri elenka numru ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel fil-qasam tas-saħħa, b’mod speċjali f’dak tas-saħħa mentali u l-kura tal-kanċer fejn fost l-oħrajn se jassigura li l-pazjenti morda bil-kanċer ma jibqgħux dipendenti fuq il-Community Chest Fund.

Spiteri tkellem ukoll dwar il-propost tal-IVF u fakkar li l-PN se jiżgura li l-proċess kollu jkun b’xejn. Għall-pensjonanti l-PN se jkun qed joffri s-servizz tat-tabib tal-familja b’xejn biex b’hekk kulħadd ikollu aċċess għall-kura aħjar.