Lokali

Kampus Kotba 2022: Joħroġ il-programm tal-attivitajiet

It-Tlieta filgħodu, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ħabbar il-programm kulturali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, li dis-sena se jsir bejn l-Erbgħa 23 u l-Ġimgħa 25 ta’ Marzu fil-Kwadranglu tal-Università ta’ Malta.

Il-programm għal dan it-tieni l-akbar festival tal-kotba f’Malta ġeneralment ikun ikkurat għall-istudenti li jattendu xi istituzzjoni edukattiva terzjarja f’Malta, madanakollu l-għadd ta’ attivitajiet organizzati huma ta’ interess għall-pubbliku ġenerali wkoll. Fost l-oħrajn wieħed jinnota diskussjonijet tematiċi, sessjonijiet varji ta’ klabb tal-kotba, intervisti ma’ kittieba u riċerkaturi lokali u internazzjonali, diskussjonijiet dwar il-letteratura, il-filosofija, u l-pubblikazzjoni, tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba u apprezzamenti ta’ figuri ċentrali Maltin.

Il-kittieba Irlandiża Jan Carson hija l-mistiedna internazzjonali tal-Festival. Carson kienet rebħet il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura fl-2019 bil-ktieb The Fire Starters (Doubleday), u hija l-awtriċi ta’ għadd ta’ kotba oħra li rebħu premji letterarji importanti. Carson se tkun qed titkellem dwar il-karriera letterarja tagħha mal-kittieba Maltija Leanne Ellul l-Erbgħa fis-2pm. Aktar qabel se tkun qed tipparteċipa fi klabb tal-kotba li fih l-istudenti mid-Dipartiment tal-Ingliż se jkollhom iċ-ċans jiltaqgħu magħha u jiddiskutu l-ktieb The Last Resort (Doubleday). Is-sessjoni se titmexxxa minn Prof. James Corby.

Il-Ħamis f’12pm Carson tingħaqad mar-rebbieħa minn Malta tal-EUPL – Lara Calleja – li magħha se titkellem dwar il-Premju u l-opportunitajiet li dan tahom. Iżda mhux biss – il-pubbliku għandu ċ-ċans jinkwadra x-xogħlijiet taż-żewġ kittieba flimkien waqt did-diskussjoni mmoderata minn Robert Pisani. Is-sessjoni hi ta’ interess ukoll għal min irid ikun jaf aktar dwar il-Premju u x’hemm lilhinn bil-parteċipazzjoni ta’ Joseph Lia, Kap tal-Uffiċċju Ewropa Kreattiva f’Malta, li se jitkellem dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-letteratura Maltija fl-UE. 

Il-parteċipazzjoni ta’ Jan Carson fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Uffiċċju Ewropea Kreattiva f’Malta.

Min-naħa tagħha Lara Calleja se tipparteċipa f’sessjoni oħra ta’ klabb tal-kotba, u did-darba l-istudenti mid-Dipartiment tal-Malti se jiltaqgħu u jiddiskutu magħha l-ktieb Kissirtu Kullimkien (Merlin Publishers) bil-moderazzjoni ta’ Justine Sommerville. Il-ktieb rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 fil-kategorija tan-novelli.

Il-Festival huwa l-lok fejn l-istudenti jinteraġixxu bejniethom, mal-akkademiċi, u mal-pubbliku waqt attivitajiet relatati mal-kotba u l-pubblikazzjoni. Fost l-oħrajn il-programm fih diskussjonijiet ta’ kotba mill-għaqdiet studenteski HoASA u Studenti Graffitti. Il-programm jinkludi wkoll preżentazzjonijiet ta’ kotba ġodda mingħand Klabb Kotba Maltin, Horizons u Kite Group.