Sport Waterpolo

Neptunes u San Ġiljan jibdew b’rebħiet faċli … jirritornaw Barracudas wara diversi snin

Artiklu: Stewart Said

Għall-ewwel darba wara nuqqas ta’ żewġ edizzjonijiet, irritorna l-Kampjonat tax-Xitwa. Għal din l-edizzjoni, total rekord ta’ 12-il tim qed jipparteċipa, bit-timijiet fl-ewwel fażi huma maqsuma f’żewġ gruppi. Birżebbuġa Freeport, Exiles, Neptunes Videoslots, Otters Nivea, Ta’ Xbiex Amigos u Valletta United jiffurmaw Grupp A. Barracudas, Marsaskala Fish and Fish, San Ġiljan Mercury Towers, Sirens Mecca Marine u Sliema Frank Salt jagħmlu parti minn Grupp B.

TA’ XBIEX AMIGOS……………. 3

NEPTUNES VIDEOSLOTS….. 12

(0-2), (1-2), (1-3), (1-4)

Neptunes Videoslots fetħu l-Kampjonat tax-Xitwa bl-aħjar mod. Kif mistenni għelbu lil Ta’ Xbiex Amigos 12-3 f’konfront li ftit kellu x’jirrakkonta minħabba s-superjorità ta’ Neptunes. Ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni milgħuba, kienu mingħajr diversi plejers li bħalissa jinsabu barra minn xtutna fosthom Stevie Camilleri, Jake Muscat, Jeremy Abela, Alec Fenech u Sam Gialanze.

Doppjetta ta’ Jordan Camilleri fl-ewwel sessjoni bdiet it-triq għar-rebħa ta’ Neptunes. Camilleri skorja minn penalty u azzjoni ta’ superjorità numerika. Il-vantaġġ kompla jikber fit-tieni sessjoni, b’Neptunes iwieġbu għall-gowl ta’ Sam Engerer u temmew it-tieni sessjoni 5-1 b’gowls fit-tieni parti tas-sessjoni.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tielet sessjoni, b’Neptunes jikkontrollaw mingħajr diffikultà iżda żiedu l-vantaġġ bi tliet gowls f’temp ta’ żewġ minuti. Fl-aħħar sessjoni, kienu ż-żgħażagħ Jake Cachia u Max Zammit li b’doppjetti kull wieħed kabbru r-rebħa ta’ Neptunes, b’Edward Meli jiskorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Ta’ Xbiex fl-aħħar sekondi.

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, T. Fenech, J. Pace Mizzi, E. Meli (1), S. Engerer (1), Z. Cutajar Licari, J. Cassar, E. Schembri (1), B. Attard Littschwager, P. Tabone, J. Chircop, D. Galea Mule

Neptunes: A. Borg Cole, M. Zammit (2), M. Farrugia, G. Pace, J. Cachia (2), J. Spiteri Staines, M. Castillo (2), J. Camilleri (4), R. Galea (2), M. Spiteri Staines, D. Bugeja, L. Mallia, S. Mifsud

Referees: Peter Balzan, Richard Magri

BARRACUDAS……………………………….. 0

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS…….. 14

(0-5), (0-4), (0-1), (0-4)

Kull bidu hu iebes. Dan hu dak li esperjenza Barracudas, fir-ritorn tagħhom wara nuqqas ta’ numru kbir ta’ snin. Huma rritornaw b’tim miżgħud biż-żgħażagħ, uħud minnhom fl-ewwel esperjenza tagħhom jilagħbu l-waterpolo mal-kbar. L-għanijiet taż-żewġ timijiet huma differenti. San Ġiljan qed jimmiraw li jirbħu l-Kampjonat tax-Xitwa filwaqt li Barracudas iridu jerġgħu jibdew isibu saqajhom fil-waterpolo lokali.

Fl-assenza ta’ Nicholas Bugelli, Andreas Galea, Ben Plumpton u Jake Bonavia, San Ġiljan kellhom skwadra ta’ 11-il plejer li iżda xorta kienet biżżejjed. Spazju għal żgħażagħ li mhux dejjem ikollhom spazju, bix-xellugi Russell Caruana jtemm bħala l-aqwa skorer tal-logħba.

Kif mistenni, San Ġiljan fetħu b’saħħtu u wara li Darren Zammit skorja fl-ewwel azzjoni, kabbru l-vantaġġ għal 5-0. Fatt interessanti hu li l-erba’ gowls ta’ San Ġiljan fit-tieni sessjoni waslu kollha minn azzjonijiet ta’ man-ups. Nico Schiavone skorja l-uniku gowl tas-sessjoni, bil-gowlkiper ta’ Barracudas isalva żewġ penalties. Fl-aħħar sessjoni, Schiavone, doppjetta ta’ Tully u Caruana ssiġillaw ir-rebħa.

Barracudas: C. Bugeja, A. Piccione, A. Magri, P. Micallef, D. Ciantar, R. Sciortino, S. Aquilina, L. Galea, D. Camilleri, S. Camilleri, A. Mifsud, T.J. Mifsud, L. Abela, A. Grima, N. Camenzuli

San Ġiljan: J. Tanti, D. Fero (1), R. Caruana (4), M. Zammit, M. Ortoleva, D. Tully (3), K. Grech, N. Zammit, D. Zammit (3), N. Schiavone(3), G. Vassallo, F. Scardino

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

Għada

Valletta v Birżebbuġa     6.15pm

Exiles v Otters                7.20pm

Sliema v Marsaskala       8.25pm