Lokali

NIŻVELAW: F’sena waħda ħaxxen butu b’aktar minn €185,000 fil-bank…apparti l-eluf mill-PA

Ir-returns tat-taxxa għall-2018 ma ġewx preżentati fil-Parlament

Robert Abela ħeba u qed jibqa’ jaħbi x’qed idaħħal, u minn fejn.

Minn riċerka li għamel Net News, jirriżulta li f’temp  ta’ 12-il xahar il-kont tal-bank tiegħu sploda ‘l fuq bi kważi €200,000. U dan meta kien għadu Deputat, u konsulent f’Kastilja.

Filfatt, Net News jitsa’ jikkonferma li skont Robert Abela stess bejn l-2018 u l-2019 il-kontijiet tal-bank tiegħu sparaw ‘il fuq minn €348,000 għal €534,000 – jiġifieri, id-depożiti żdiedu b’aktar minn €185,000. U dan huwa biss dak li ddikkjara Abela fil-Parlament.

Għal xi raġuni, Robert Abela – b’differenza mill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari – ma qalx x’kien id-dħul totali tiegħu għas-sena 2019, u lanqas ma qal minn fejn daħħal il-flus.

Filwaqt li l-membri l-oħra tal-Kabinett iddikkjaraw id-dħul tagħhom kif ukoll minn fejn ġie, Abela kiteb biss li d-dħul tiegħu kien “skont il-formula tal-income tax“. Għalkemm imbgħad, ma preżentax kopja tar-returns tat-taxxa.

Fil-Parlament, Abela lanqas ma ddikkjara x’kien id-dħul tiegħu għall-2018.

Fl-2018, Robert u Lydia Abela akkwistaw art f’Ħaż-Żabbar biex ftit xhur wara … fl-istess sena … reġgħu bigħuha u -bigħuha lil allegat kriminal u klijent tagħhom stess. It-Times din il-ġimgħa żvelat li minn dan id-deal, Robert Abela daħħal €45,000.

Il-Prim Ministru għadu ma ċaħadx dan kollu.

Intant, id-dettalji dwar il-kontijiet tal-bank kif jidhru fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-2018 u tal-2019 wieħed għandu jifhem li ma jinkludux it-€28,000 fix-xahar u l-ħafna eluf li ħa Abela f’konsulenzi mill-Awtorità tal-Ippjanar. Imma anke hawn, ħadd ma jista’ jivverifika dan.

L-uniku persuna li seta’ jitlob aktar informazzjoni lil Robert Abela dwar id-dħul tiegħu huwa l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler. U allura, il-mossa ta’ Abela li jinnomina lill-istess Hyzler għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri wieħed irid jeħodha fil-kuntest tax-xewqa ta’ Abela li jwarrab lill-uniku persuna li jista’ jpoġġih f’rokna dwar il-mijiet ta’ eluf li daħħal fl-aħħar snin.