Lokali

Robert Abela jipprova jwarrab lil tal-klikka ta’ Muscat

In-nies qrib il-Leader Laburista Robert Abela – bħal Jean Claude Micallef – qed jagħmlu minn kollox biex dawk qrib l-eks Leader Joseph Muscat jintesew u jitwarrbu għal kollox.

F’Birkirkara, fit-tmien attività politika fil-kampanja elettorali, il-klikka ta’ Robert Abela taw importanza qawwija lil Jean Claude Micallef, li min-naħa tiegħu, għażel li jattakka lill-antiki fil-Labour billi appella lil-Laburisti preżenti – fost għajjat ta’ Viva l-Labour – biex jagħżlu lil min ma weġġagħhomx.

F’botta diretta – u ċara – lejn Edward Zammit Lewis li, f’chats mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, sejjaħ lill-partitarji Laburisti “Ġaħan”.

Mingħajr ma nduna, l-istess Deputat viċin tal-Leader spiċċa jammetti li fl-aħħar snin ta’ Gvern Laburista, saru l-akbar ammont possibbli ta’ konvenji … mingħajr ma rrealizza li l-Leader tiegħu Robert Abela kien wieħed minn dawk li issa sar magħruf li daħħal f’butu 45,000 ewro minn wieħed minn wieħed minn dawn id-deals … illi sar mal-allegat kriminal bħal Christian Borg.

Min-naħa tagħha, il-Kandidat Laburista Abigail Camilleri ħadet lil-Labour ta’ Robert Abela lura fil-passat …

… filwaqt li Anthony Agius Decelis qal li Robert Abela jqajjimlu ġismu xewk xewk kull darba li jitkellem.

Min-naħa tiegħu, il-Leader Laburista kompla jirrepeti wegħdiet irriċiklati jew li kkopja mill-Partit Nazzjonalista … fosthom il-Garanzija tat-Tfal – li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech lest isaħħaħ grazzi għall-għajnuna mill-Unjoni Ewropea – kif ukoll iż-żieda fiċ-Children’s Allowance, li hi biss in-nofs ta’ dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista fil-Programm Elettorali tiegħu. Sadanittant – wara aktar minn ġimgħa mill-bidu tal-kampanja – Robert Abela baqa’ fil-muta dwar meta se jippreżenta il-Manifest Elettorali tal-Partit tiegħu, u allura, meta l-poplu se jkun jaf verament kif il-Labour se jkun qed jara li l-pajjiż u l-poplu tiegħu jimxu ‘l quddiem.