Roman Abramovic, is-sid biljunarju ta’ Chelsea, it-tim tal-Premier League Ingliż, jinsab taħt pressjoni kbira biex jikkundanna pubblikament l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.
Dan meta hemm id-dubji dwar kemm Abramovich – wieħed mill-akbar sinjuri tar-Russja, b’fortuna personali ta’ ‘il fuq minn għaxar biljun Sterlina – qed jgħin tassew fl-isforzi lejn ftehim li jista’ isalva aktar imwiet fl-Ukrajna.
Abramovich, ikkunsidrat bħala qrib ħafna tal-President Russu Vladimir Putin, ilu suġġett għall-kritika mindu t-truppi ta’ Moska, nhar il-Ħamis, qasmu l-fruntiera tal-Ukrajna. Fl-istess ħin, diversi sorsi qed jissuġġerixxu li l-proprjetarju ta’ Chelsea ‘qed jilgħab il-logħba ta’ ħajtu’ biex jiżgiċċa mis-sanzjonijiet riġidi li l-Punent qed jimponi fuq l-aktar persuni influwenti mar-reġim ta’ Moska.
Dan wara li Abramovich, fi tmiem il-ġimgħa, ħabbar li kien qed iċedi l-kontroll ta’ Chelsea FC ( iċ-Champions tal-Ewropa attwali) lin-nies – ‘trustees’ – li qed imexxu l-fondazzjoni karitatevoli tal-klabb Ingliż.
Intant, id-deputati fil-House of Commons f’Londra akkużaw lil Abramovich bħala ‘membru ferm strumentali u influwenti fir-reġim ta’ Putin’. Dan fost sejħa biex l-oligarki b’saħħithom u li għandhom ir-rabtiet mal-Istat Russu jintlaqtu b’sanzjonijiet jerġa’ akbar.
Filwaqt li l-aħħar movimenti ta’ Abramovich mhumiex magħrufa, hemm indikazzjonijiet li hu mar fil-Belarus qabel sessjoni ta’ taħditiet (fil-pajjiż) bejn uffiċjali Ukreni u Russi. Is-sorsi qrib Abramovich qed jgħidu li hu ‘qed jinvolvi ruħu fl-inizjattivi għall-paċi fl-Ukrajna wara li saritlu talba mingħand membri tal-komunità tal-Lhud fi Kiev’.
Madankollu hu sinifikanti li Roman Abramovich fl-ebda ħin ma tkellem kontra l-invażjoni tal-Ukrajna inkella kontra l-gwerra bla sens li għaddejja f’dan il-pajjiż.
Il-Viċi-Prim Ministru Britanniku, Dominic Raab, qed jinsisti biex Abramovich jikkundanna lil Vladimir Putin dwar dak li għaddej bħalissa fl-Ukrajna — u meta, jistenna li l-aġir qattiel tar-Russja jirċievil- kundanna mingħand kulmin irid jirraġuna b’moħħu’.
Dan waqt li l-Punent qed ikompli jissikka l-morsa fuq l-oligarki biljunarji li huma qrib ħafna ta’ Vladimir Putin.
//= $special ?>