Lokali

“Waqqaf il-bejgħ tal-passaporti lir-Russi issa” – Bernard Grech lil Robert Abela

“Malta bħalissa għadha magħluqa għar-refuġjati Ukreni, imma miftuħa għall-oligarki Russi u l-biljunarji li jistgħu iħallsuna biex nagħtuhom passaport Ewropew. Robert Abela waqqaf dil-ġennata u għamel il-ħaġa t-tajba għal darba”.

Dan hu l-aħħar appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech lill-Prim Ministru Robert Abela li qed jibqa’ jisfida saħansitra lill-Unjoni Ewropea u qed ikomplu jbigħ il-passaporti Maltin lir-Russi.

Fi Tweet dalgħodu, Bernard Grech wissa lil Abela li wasal iż-żmien li dan il-bejgħ jieqaf minnufih, irrispettivament dwar lil min qed jipproteġi.

Bernard Grech qed jappella lil Abela ta’ kuljum biex il-Prim Ministru ta’ pajjiżna jkun korrett. Hu qallu li l-Gvern Malti ma jistax jesprimi solidarjetà mal-Ukrajna u jibqa’ jbigħ il-passaporti lil Russi li ma nafuhomx, b’riskju għas-sigurtà ta’ pajjiżna.

L-Ewropa għamlitha ċara li l-bejgħ ta’ golden passports lir-Russi mhuwiex aċċettabli, bl-MEP Olandiż Pietr Omtzigt fl-aħħar ħin ukoll jikkundanna l-fatt li l-Gvern Malti qed jibqa’ jisfida billi baqa’ għaddej bil-bejgħ tal-passaporti.