Għawdex Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Raġel mill-Ghana jwieġeb mhux ħati li qatel lil Rita Ellul f’Għawdex

Tqum kommossjoni fuq vapur tal-Gozo Channel waqt li kemm l-akkużat kif ukoll il-familjari tal-vittma kienu fi triqithom għas-smiegħ tal-kawża fil-Qorti t'Għawdex

Quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana, Lawrence Abina, raġel ta’ 30 sena mill-Ghana, wieġeb mhux ħati meta tressaq mill-Pulizija akkużat bil-qtil ta’ Rita Ellul, l-omm ta’ tliet itfal li nhar is-Sibt li għadda nqatlet fgata f’sodditha, u se jkun qed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fi triqithom lejn Għawdex, jidher li qamet kommossjoni fuq vapur tal-Gozo Channel x’ħin familjari tal-vittma lemħu lill-akkużat f’karozza tal-Pulizija fuq l-istess vapur.

Id-delitt, żvelat mill-ġurnal In-Nazzjon dalgħodu, seħħ f’appartament fi Triq Dun Franġisk Mizzi f’Għajnsielem, Għawdex; liema appartament għadu qiegħed ikun mgħasses mill-Pulizija tad-Distrett.

Ritratt: Joe Mikallef

L-investigazzjonijiet dwar dan id-delitt qed isiru mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) flimkien mal-Pulizija tad-Distrett ta’ Għawdex.

Fl-aħħar jiem ir-raġel mill-Ghana flimkien ma’ raġel Malti kienu qed jgħinu lill-Pulizija dwar dan id-delitt. Kien nhar it-Tlieta waranofsinhar li mill-awtopsja ħareġ ċar li l-omm ma kinitx mietet mewta naturali fis-sodda tagħha, iżda kienet fgata.

Għalkemm il-vittma Rita Ellul kienet mill-Iklin, jirriżulta li fl-aħħar xhur kienet qed tgħix f’appartament f’Għajnsielem, proprju fl-appartament fejn seħħ id-delitt.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-avukati Anthony Vella u Nathaniel Falzon flimkien mill-Ispetturi Josef Gauci, Wayne Cauchi u Kurt Zahra filwaqt li għal Abina deher l-Avukat, Joseph Grech. Franco Debono u Marion Camilleri dehru bħala avukati parti civile f’isem il-familja tal-vittma.

Intant, fost ir-reazzjonijiet fuq il-mezzi soċjali spikkaw dawk ta’ bint Rita, Ellul, Georgina. U kuġintha, Sefora Tabone, li sellmet lil Rita Ellul b’poeżija li fiha rrefferiet għall-mod kif għall-imħabba li kienet tħobb kellha tħallas prezz qares ħafna.