Knisja Lokali

“Aħna magħkom. Intom m’intomx waħedkom” – L-Arċisqof ta’ Malta lill-komunità Ukrena

"Min jipprovoka l-gwerra qed jinsa l-umanità u qed iqiegħed l-interessi personali tiegħu fuq kollox"

“Aħna magħkom. Intom m’intomx waħedkom. J’Alla fl-Ukrajna terġa tirrenja l-paċi mill-aktar fis”.

Dan kien il-messaġġ tal-Mexxej tal-Knisja, l-Arċisqof Charles J Scicluna lill-komunità Ukrena f’pajjiżna waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ras ir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

L-Arċisqof qal li wieħed tinqasamlu qalbu meta jara pajjiż li kien qed jgħix fil-paċi u li llum jinsab vittma ta’ aggressjoni.

Charles J Scicluna qal li aħna bħala pajjiż nifhmu xi tfisser li tkun assedjat u allura nifhmu il-qsim il-qalb li ġġib aggressjoni ħarxa.

Hu qal li Ġesù ma jimpressjonahx dak li nagħmlu fid-deher, dak li nagħmlu f’li jidher. Imma l-Missier jimpurtah dak li hu moħbi. L-Arċisqof qal li l-proċess tal-paċi jrid jibda minn qalbna.

“Aħna u nsellmu lill-Ukrajna u nitolbu għalih – pajjiż li jħaddar bil-qamħ li jmantni ħafna pajjiżi oħra – nitolbu li dan il-qamħ jibqa’ jikber u mhux jinqered bil-bombi”.

Il-gwerra l’bogħod minna trid issib fina solidarjetà qal Charles J Scicluna. Il-ġest tagħhna llum jista’ jidher dgħajjef fil-konfront ta’ dan kollu, qal Scicluna.

Hu tkellem dwar l-inġustizzji li jeżisut u qal li aħna rridu nibnu l-qalb tagħna, u dawn iċ-ċirkustanzi jmissu lil kull wieħed u waħda minna.

L-Arċisqof silet mill-messaġġ tal-Papa tal-Ħadd li għadda li qal li aħna se nibqgħu nitolbu bil-ħerqa u b’aktar intensità filwaqt li ħeġġeġ għal-talb u sawm fil-bidu tar-Randan sabiex il-gwerra fl-Ukrajna tintemm.

Min jagħmel il-gwerra, minn jipprovokaha, ikun qed jinsa l-umanità, u jqiegħed l-interessi tiegħu u tas-setgħa personali tiegħu.

Intant f’messaġġ b’rabta mal-kampanja elettorali li tinsab fit-tieni ġimgħa tagħha, l-Arċisqof appella għall-maturità u fakkar lill-politiċi li huma għandhom id-dmir li jaraw li l-politika tkun dejjem strument għall-ġid komuni.

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm diversi persuni distinti inkluż il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat mis-Sinjura AnneMarie Grech.