Lokali Qorti

Akkużat li 10 snin ilu abbuża sesswalment lin-neputijiet tas-sieħba tiegħu

Deliveryman mir-Rabat inżamm taħt arrest preventiv wara li kien akkużat li 10 snin ilu abbuża sesswalment lin-neputijiet taħt l-età tas-sieħba tiegħu. L-Ispetturi tal-Pulizija Andy Rotin u Dorianne Tabone, flimkien mal-Prosekutur tal-AĠ Darlene Grima akkużaw lir-raġel ta’ 40 sena li abbuża sesswalment miż-żewġ tfajliet taħt l-età fil-perjodu bejn is-snin 2004 sal-2012.

Ir-raġel, li ismu huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ pubblikazzjoni, ġie akkużat ukoll li pparteċipa f’atti sesswali mal-bniet taħt l-età vulnerabbli, ġiegħelhom ikunu preżenti waqt episodji ta’ abbuż sesswali u ġiegħel lil persuni taħt l-età biex jipparteċipaw f’imġieba sesswali permezz ta’ mezzi teknoloġiċi.

L-akkużi huma aggravati mir-rabtiet familjari tal-akkużat mal-vittmi. L-Ispettur Rotin qal lill-maġistrat Rachel Montebello li f’Jannar tal-2021, l-għassa tal-Ħamrun kienet irċeviet rapport mingħand it-tfal minuri u l-ġenituri tagħhom, fejn sostniet li t-tfal kienu ġew abbużati mis-sieħba taz-zija bejn l-2004 u l-2012, fid-dar tan-nanna tagħhom.

Kienet twaqqfet inkjesta maġisterjali u kienet ikkonkludiet li r-raġel kellu jiġi mixli. Mistoqsi mill-avukat Jason Grima, avukat difensur tal-akkużat, l-ispettur ikkonferma li l-pulizija ma kinitx interrogat lill-akkużat. L-akkużat wieġeb mhux ħati u ntalbet il-libertà proviżorja.

L-avukat tal-prosekuzzjoni Darlene Grima mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel, u sostniet li l-vittmi qatt ma kienu xehdu, lanqas waqt l-inkjesta. “Il-verżjoni tagħhom tal-avvenimenti mhix ippreservata.

Huwa minnu li r-rapport kien sar kważi sena ilu, iżda kien jaf li t-tfal kienu tkellmu kif missierhom kien tkellem miegħu dwar ir-reati. Ma kienx konxju tal-investigazzjoni tal-pulizija,” hija qalet. L-Avukat Jason Grima qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien jaf bl-allegazzjonijiet, “tant hu hekk li ma kienx avviċinahom, iżda kien missierhom li kien avviċinah u qallu kollox, mill-A-Z.”

L-akkużat kien fil-fatt ippreżenta rapport tal-pulizija dwar il-missier, li fih sostna li kien mhedded. Sussegwentement il-missier ġie mixli u kien ġie ordnat mill-qorti biex ma javviċinax lill-akkużat. L-akkużi jmorru lura għaxar snin, irrimarka l-avukat.

“Barra minn dan, l-inkjesta bdiet sena ilu, u għalhekk kellu l-ħin kollu fid-dinja biex iħarrek lill-allegati vittmi kieku ried, u dan ma seħħx.” L-avukat qal li jinsab perpless bit-talba tal-prosekuzzjoni li t-tfal kienu taw il-verżjonijiet tagħhom tal-avvenimenti lil espert tal-qorti iżda mhux taħt ġurament, u qal li din ma kinitx il-proċedura tas-soltu.”

L-allegati vittmi issa kibru,” hwa qal. “Fejn hu r-riskju? Meta ġie avviċinat, il-klijent tiegħi ħass il-bżonn li jippreżenta rapport tal-pulizija peress li ħassu mhedded. Ir-rekord kriminali tiegħu kien nadif. Kollox juri li hu ta’ min joqgħod fuqu,” sostna Grima li żied li għadda ħafna żmien mill-allegati inċidenti.

“Hu kkoopera mal-pulizija. Wieġeb kull mistoqsija u ċaħad kategorikament dak li qed jiġi allegat,” qal l-avukat, filwaqt li sostna wkoll li kien impossibbli li l-akkużat ikun wettaq l-allegati reati fid-dar tan-nanna peress li d-dar kienet “żgħira ħafna”.

Ir-raġel ġie fdat ukoll bil-kura ta’ ommu li hija ‘bed ridden’ qalet id-difiża. Grima informa lill-Qorti li oħt l-akkużat kienet lesta li tidħol bħala terza garanti, u li l-akkużat jista’ wkoll jipprovdi garanzija finanzjarja. L-oħt issejħet fuq il-pedana, minn fejn wegħdet li se tassigura li ma javviċina lil ħadd involut fil-każ, u kkonfermat li kienet “100%” konxja li kienet tinżamm responsabbli jekk jagħmel hekk.

Iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat li l-mara taġixxi bħala garanti, u rrimarkat li hija kienet diġà qalet lill-Qorti li ma setgħetx tieħu ħsieb lil ommha hi stess peress li tbati mill-‘fibromyalgia’ u tuża krozzi. “Mela kif tista’ tagħti din il-garanzija, jekk ħuk joqgħodx ma’ ommu?”

Il-prosekutur tal-AĠ sostniet li ma setgħetx tara kif oħt l-akkużat tista’ żżomm għassa kontinwa fuq ħuha jekk ma tgħix miegħu. Iżda minkejja li d-difiża argumentat li d-dettalji ta’ kif il-garanti se jassigura l-konformità kienu f’idejna, il-qorti għażlet li tiċħad il-libertà proviżorja, u ddeċidiet li kien hemm biża’ reali li l-akkużat jipprova jbagħbas l-evidenza. Il-Qorti imponiet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-akkużati u tal-vittmi.