Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden informa lill-Kungress Amerikan li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ikkalkula ħażin ħafna r-reazzjoni tal-Punent għall-invażjoni tal-Ukrajna. Intant, hu wissa li ‘Putin mgħandux idea dwar x’inhu ġej għalih u għalxiex daħal’. Biden, fl-istess ħin, insista li l-Istati Uniti u l-Punent huma determinati ‘li l-libertà tirbaħ dejjem fuq it-tirannija’.
Il-membri Demokratiċi u r-Repubblikani applawdew – bla eċċezzjoni – id-diskors ta’ Biden waqt l-indirizz State of the Union li jsir darba fis-sena lill-pajjiż. Intant, il-Mexxej Amerikan qal li llum ‘ftit hemm dubju li l-gwerra ta’ Putin kienet premeditata u li hu dejjem kellu l-ħsieb li jinvadi l-Ukrajna mingħajr provokazzjoni wara li ċaħad diversi drabi l-isforzi għad-diplomazija’.
Il-President Amerikan qal li Putin għażel it-triq tal-aggressjoni għaliex ħaseb li l-pajjiżi tal-Punent huma mifrudin u li ma kienx se jkun hemm reazzjoni min-naħa tal-Punent u n-NATO. Sadanittant, Joe Biden enfasizza li l-Punent ‘kien lest għal Putin’ u li l-Istati Uniti se tkompli tgħin lill-Ukrajna f’dan iż-żmien diffiċli.
//= $special ?>