Lokali

Bżonn ta’ għarfien dwar aċċessi pubbliċi u privati

Gvern ġdid Nazzjonalista iwiegħed li jagħti għarfien dwar liema passaġġi huma pubbliċi u liema huma privati biex jagħti serħan il-moħħ lil dawk li jagħżlu li jqattgħu ftit ħin fil-kampanja.

Dan ħareġ minn laqgħa li saret bejn l-għaqda ambjentali, Ramblers’ Associations of Malta u l-Partit Nazzjonalista rrapreżentat mis-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino, id-Deputat Nazzjonalista, Robert Cutajar, u l-Koordinattriċi PN Greens u kandidata għall-elezzjoni ġenerali, Janice Chetcuti.

L-għaqda qalet kif numru ta’ persuni qabdu u għalqu l-aċċess ta’ artijiet pubbliċi permezz ta’ xatba jew ġebel mingħajr il-permess, b’riżultat li dawk li jmorru jimxu fil-kampanja jispiċċaw ma jistgħux jgħaddu minn diversi passaġġi.

Huma qed jitolbu biex issir forma ta’ mappa li tista’ tkun aċċessibli mill-pubbliku bi gwidazzjoni għall-postijiet li huma verament aċċessibli għall-pubbliku u mhux sempliċiment twaħħlu tabelli ta’ propjetà privata meta dan ma jkunx vera.

Kien għalhekk li Michael Piccinino wiegħed li l-PN se jkun jimpenja ruħu biex isir għarfien ta’ x’inhu dritt tal-pubbliku.

Minn naħa tiegħu, Robert Cutajar saħaq li wieħed irid jifhem li għandu d-dmir li jgawdi l-kampanja iżda wkoll id-dritt li jieħu ħsieb il-kampanja u propretajiet privati.

Janice Chetcuti qalet li wasal iż-żmien li jkun hemm applikazzjoni aċċessibli fuq smart phone biex meta wieħed ikun fil-kampanja, jara jkunx jista’ jgħaddi minn x’imkien jew le.

Membri fi ħdan Ramblers saħqu li l-kampanja hi ta’ importanza biex wieħed ikun jista’ joħroġ u jistrieh.

Dan filwaqt li faħħru numru ta’ proposti tal-PN għall-elezzjoni ġenerali, fejn fost l-oħrajn issemmew il-proposta li kull sena pajjiżna jingħata lura 50,000 art ODZ, il-proposta li meta jiġi biex jinbena xi bini għandu l-ewwel isir qbil minn 2/3 tal-Kamra, u li jkun hemm iktar membri tal-NGOs fuq il-bord biex il-Gvern ma jkollux daqshekk poter fuq il-kampanja u l-ambjent.