Elezzjoni 2022 Lokali

Ġurnalist ieħor fil-mira tal-Labour f’nofs kampanja elettorali

L-IĠM jgħid li wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia issa l-Labour tefa' ġurnalista ieħor fil-mira

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna d-deċiżjoni tal-Partit Laburista li juża’ lill-ġurnalista Manuel Delia fl-aħħar billboard tiegħu għall-kampanja elettorali.

L-IĠM qal li Delia spiċċa fil-mira tal-kampanja tal-Labour minkejja li m’għandu l-ebda rabta jew involviment mal-Partit Nazzjonalista.

L-Istitut esprima t-tħassib tiegħu li għaldarboħra, ġurnalist qed jisfa fil-mira minħabba x-xogħol li jagħmel, eżatt bħal ma ġara ma’ Daphne Caruana Galizia qabel ma ġiet assassinata.

L-IĠM qal li jemmen li l-partiti politiċi m’għandhomx jużaw dan l-istil fil-kampanji tagħhom, aktar w’aktar fid-dawl tal-assassinju ta’ Caruana Galizia tal-2017, u minflok għandhom jassiguraw li l-ġurnalisti jingħataw protezzjoni aħjar.

Fl-aħħar l-Istitut appella lill-Partit Laburista biex ineħħi minnufih dan il-billboard mit-toroq.