It-tieni l-akbar belt fl-Ukrajna, Kharkiv, tinsab taħt assedju. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat komplew l-attakki mir-Russi fuq din iz-zona tal-Ukrajna fejn fost oħrajn, seħħ attakk fuq sptar militari.
Il-pulizija lokali kkonfermat li is-sitwazzjoni ħdejn l-isptar hija taħt kontroll, iżda jidher li erbgħa persuni oħra nqatlu filwaqt li disgħa oħra ndarbu fl-attakki li qed iseħħu fl-aħħar ħin f’din il-belt. Huwa mifhum li dawn huma addizzjonali għall-21 mewta u l’fuq minn mitt korriment irrappurtati tul il-jum tal-Erbgħa.

Fl-aħħar ħin waslet l-aħbar ukoll li l-belt Kherson issa hija mdawra bit-truppi Russi. Iżda hemm rapporti konfliġġenti dwar is-sitwazzjoni, bil-ministeru tad-difiża Russu jsostni li it-truppi Russi għandhom il-kontroll ta’ din il-belt. Aktar kmieni, is-sindku Igor Kolykhayev qal li Moska ħadet il-kontroll tal-istazzjon tal-ferrovija u l-port tal-belt matul il-lejl.

Intant, konvoj twil ta’ vetturi militari Russi jinsab madwar 20 mil il-bogħod mill-belt kapitali Kyiv.
Sadanittant f’Zhytomyr, fil-Majjistral tal-Ukrajna, erba’ persuni oħra nqatlu meta diversi djar intlaqtu minn missila Russa.


F’aħbar oħra, l-Organizzazjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sostniet li minn tal-inqas 136 persuna sfaw vittma mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna u fost il-vittmi, tlettax minnhom kienu tfal. Apparti dan, madwar 660,000 ukreni ħarbu minn djarhom.
Minn naħa l-oħra, ċifri maħruġa mill-Gvern Ukren juru li bejn l-24 ta’ Frar u t-2 ta’ Marzu, mietu aktar minn 350 u ndarbu aktar minn 1,600 oħra.
L-istess ċifri juru li 5,840 russu inqatlu fl-invażjoni. Jidher ukoll li madwar 30 ajruplan, 31 ħelikopter, 211 tank tal-gwerra, 862 vettura tal-għassa, 60 tank tal-fjuwil u 355 vettura oħra ġew meqruda fil-proċess.
F’aħbar oħra Dmitry Peskov, kelliem għall-Kremlin, qal li r-Russja hija lesta li tkompli bit-taħditiet mar-rappreżentanti tal-Ukrajna, bil-ħsieb li jaslu fi ftehim għall-waqfien mill-battalji li ilhom għaddejjin mill-Ħamis fit-territorji Ukreni. Madankollu, sostna li hemm informazzjoni kontradittorja dwar it-taħditiet.
Minn naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelenskiy ilbieraħ saħaq li r-Russja trid tieqaf tibbumbardja l-ibliet Ukreni qabel ma jkunu jistgħu jkomplu t-taħditiet.
//= $special ?>