Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-media Russa mhix permessa li tuża kliem bħal ‘gwerra’

L-awtoritajiet fir-Russja qed jieħdu miżuri drastiċi kontra kull sinjali ta’ ‘dissens’ fost il-poplu dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Mira partikulari għall-Kremlin, fil-preżent, hu r-rappurtaġġ mis-sorsi tal-aħbarijiet indipendenti — u meta l-media fir-Russja mhix permessa li tuża kliem bħal ‘gwerra’ u ‘invażjoni’ fis-servizzi dwar l-aggressjoni kontinwa mill-qawwiet Russi fuq l-ibliet Ukreni.

Il-Kremlin ta’ Moska qed tinsisti biex kull sors tal-aħbarijiet fir-Russja jirreferi għal dak li qed iseħħ fl-Ukrajna bħala ‘operazzjoni militari speċjali’.

Sadanittant, l-awtoritajiet Russi waqqfu s-servizzi tal-istazzjon tar-radju indipendenti Ekho Moskvy minbarra li mblukkaw l-aċċess għall-websajt ta’ Dozhd — li hu l-akbar sors tal-internet indipendenti fil-pajjiż,

L-awtoritajiet qrib il-Kremlin, issa, qed jibgħatu messaġġi u ittri ta’ theddid lill-entitajiet tal-media indipendenti fost ‘direttivi’ biex dawn iwarrbu kull kontenut dwar il-gwerra fl-Ukrajna. L-istess awtoritajiet anki qed jesiġu bil-qawwi biex l-ebda sors tal-media fir-Russja ma tippubblika informazzjoni dwar suldati Russi maqtula jew vittmi ċivili jekk din ma tkunx ipprovduta mis-sorsi tal-Istat uffiċjali.