L-assedju tal-Armata Russa kompliet anki fuq Kharkiv – it-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna – b’numru kbir ta’ paratruppi Russi jaslu hemmhekk fl-aħħar sigħat. Il-ġlied fl-inħawi kien irrappurtat bħala qalil, bis-servizzi għall-emerġenzi Ukreni jikkonfermaw il-qtil ta’ aktar ċivili fost il-bumbdardamenti kontinwi tal-għadu.
Waħda mill-missili sparati mir-Russi laqtet il-bini tas-servizzi tas-sigurtà Ukreni flimkien mal-Università Nazzjonali ta’ Karazin, f’Kharkiv.
Dan waqt li s-Sindku ta’ Kharkiv qal li l-belt tiegħu spiċċat ‘parzjalment iċċirkondata’ mit-truppi tal-President Russu, Vladimir Putin. Madankollu, ir-reżistenza tal-Ukreni kienet imfissra bħala ‘feroċi’, bil-qawwiet Russi jħallsu prezz qares għal kull pass li jieħdu.
Sadanittant, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-attakki tal-ajru persistenti fuq Kharkiv għandhom jitqiesu bħala reat tal-gwerra minħabba il-qtil kontinwu ta’ ċivili Ukreni. L-inħawi ċivili milqutin, s’issa, jinkludu sala tal-opera u sala għall-kunċerti — minbarra diversi bini tal-Gvern Ukren.
//= $special ?>