Il-qawwiet tar-Russja intensifikaw l-attakki fuq l-ibliet ewlenin tal-Ukrajna u meta spikkaw il-battalji kontinwi fl-artijiet Ukreni tat-Tramuntana, il-Lvant u n-Nofsinar. Is-seba jum tal-invażjoni tal-Ukrajna tista’ ukoll twassal għal żblokk notevoli – bir-Russi, issa, qed jutilizzaw il-qawwiet riservisti, bir-riżultat li d-difensuri Ukreni jistgħu jispiċċaw iċċirkondati fuq diversi fronti.
Sadanittant, ir-Russja qed tgħid li ħatfet il-kontroll tal-port ewlieni ta’ Kherson lejn in-naħa t’isfel tal-Ukrajna. Dan waqt li ħarġu r-rapporti konfliġġenti mill-inħawi, bl-awtoritajiet lokali jinsistu li l-belt u l-port kienu għadhom f’idejhom.
Fl-istess ħin, ħarġu l-filmati li juru l-militar Russu fiċ-ċentru ta’ Kherson, b’diversi entitajiet tal-media barranin jivverifikaw li l-filmati huma ġenwini. Il-ħtif ta’ Kherson kapaċi jkun żvilupp importanti f’din il-gwerra minħabba li l-belt għandha pożizzjoni strateġika maġenb ix-xmara Dneiper li taqsam ir-reġjuni tal-Ukrajna.
L-esperti qalu li ladarba r-Russi jibdew jaħtfu l-kontroll tal-ibliet kbar maġenb id-Dneiper huma jkunu jistgħu jwaqqfu t-trasport ta’ provvisti mill-Punent tal-pajjiż lit-taqsimiet militari tal-Ukreni li qed jiġġieldu kontra l-milizzji separatisti leali għal Moska fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna.
//= $special ?>