Lokali

Il-Knisja tniedi programm ta’ ospitalità għal migranti bla dar li kienu mġiegħla jħallu pajjiżhom

Il-Kummissjoni Migranti u l-Arċidjoċesi ta’ Malta nedew inizjattiva umanitarja ta’ ospitalità miftuħa għal migranti u refuġjati li jinsabu fostna u li kienu mġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom f’kunflitt, bħalma hu l-Ukrajna.

L-għan ta’ ‘Proġett Kenn’ hu li jilqa’, iħares u jintegra migranti fil-komunità billi joffrilhom residenza sa sitt xhur.

Dun Anton D’Amato, id-Direttur tal-Kummissjoni Migranti, qal li ‘Proġett Kenn’ hu azzjoni konkreta tal-Knisja f’Malta għas-sejħa li għamel il-Papa Franġisku — li mistenni jżur Malta fit-2 u t-3 ta’ April — biex parroċċi, komunitajiet reliġjużi u familji, jilqgħu fosthom migranti li ħafna drabi jispiċċaw bla dar intortament.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li f’dawn l-aħħar jiem, ilkoll rajna xeni orribbli ta’ Ukreni sfurzati jitilqu minn djarhom minħabba l-gwerra. ‘Proġett Kenn’ jippreżenta opportunità konkreta biex ngħinu bnedmin li jinsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ għajnuna.

“F’dan l-ispirtu, il-Knisja tistieden lil ċittadini minn kull qasam tal-ħajja biex jilqgħu lill-migranti fostna bħala ħbieb u joffrulhom l-opportunità li jaqsmu magħna l-esperjenza li jgħixu f’ambjent sigur u ospitabbli. Anke jekk iż-żjara tagħhom tkun qasira, il-barkiet li jinfetħu għal xulxin ikunu fit-tul.”

‘Proġett Kenn’ qed ifittex residenti f’Malta li huma lesti jilqgħu migranti u refuġjati għal bejn tlieta u sitt xhur sabiex jitrawwem proċess ta’ integrazzjoni u b’hekk iż-żewġ naħat jifhmu aħjar il-kultura, id-drawwiet u t-tradizzjonijiet ta’ xulxin.

L-ospitazzjoni tista’ ssir f’dar tal-familja jew f’residenza oħra. Is-social worker Marija Zahra qalet li kemm min se jospita kif ukoll il-migranti se jkollhom tim ta’ professjonisti li jipprovdu assistenza u appoġġ matul din l-esperjenza.