Internazzjonali

Il-Georgia se tapplika immedjatament għal sħubija fl-Unjoni Ewropea

L-eks Repubblika Sovjetika tal-Georgia, waħda mill-pajjiżi li jmissu mal-Baħar l-Iswed u li ilha s-snin teżisti fid-dell tar-Russja, qalet li se tapplika ‘immedjatament għal sħubija fl-Unjoni Ewropea.’

L-istqarrija ħarġet mill-Partit tal-Ħolma Georgiana fil-Gvern, ftit aktar minn 24 siegħa wara li l-Parlament Ewropew appoġġja t-talba tal-Ukrajna biex, ‘il quddiem, issir hi ukoll membru tal-Unjoni.

Iċ-Chairman tal-partit fil-Gvern, Irakli Kobakhidze, żvela li qed isejjaħ biex l-UE ‘tirrevedi b’urġenza l-applikazzjoni ta’ pajjiżu u biex, kemm jista’ ikun malajr, tikkonfermalu l-istatus ta’ kandidat għal sħubija fl-Unjoni”.

Dan uikoll wara li fl-aħħar jiem, il-poplu tal-Georgia organizza dimostrazzjonijiet kbar ta’ protesta dwar l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Intant, ir-Russja ilha mill-2008 tikkontrolla l-Abkhazia u l-Ossezja t’Isfel — it-tnejn reġjuni tal-Georgia — u wara li l-Armati ta’ Moska kienu qaċċtu lit-truppi Ġorġjani mill-inħawi wara gwerra qasira. Din il-gwerra segwiet it-tentattiv tal-Ġorġja biex tieħu lura l-Ossezja t’Isfel li fis-snin disgħin kienet iġġieldet gwerra separatista kontra l-Gvern ta’ Tbilisi.