Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

“Irridu kwalità ta’ ħajja aħjar” – Bernard Grech

Il-PN f'laqgħa mal-MDA

“Irridkom tibqgħu tatu kontribut biex dan is-settur jkompli jimmodernizza ruħu. Intom għandkom rwol ekonomiku importanti però għandkom ukoll responsabbilà soċjali fejn tistgħu tikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Dan kien il-messaġġ li għadda l-Kap tal-PN Bernard Grech f’laqgħa li kellu mal-Kunsill tal-Malta Developers Association (MDA) fejn kienu diskussi wħud mill-proposti tal-PN li jiffukaw fuq dan is-settur.

Fl-aħħar snin l-MDA saret stakeholder f’settur tant importanti u sensittiv li tirrappreżenta negozjanti li jħaddmu ħafna nies u jinvestu fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Bernard Grech saħaq li japprezza l-kontribut tagħhom  fid-dibatittu politiku u jaqbel mal-proposta li kienet saret mill-eks President tal-MDA Sandro Cetchuti dwar il-ligi tal-finanzjament tal-partiti.

Dan filwaqt li wiegħed li Gvern immexxi minnu joħloq klima ta’ ġustizzja… li fiha kulħadd ikun jista’ jaħdem aħjar mingħajr rikatt jew obligazzjonijiet.

Il-Kap tal-PN saħaq bl-aktar mod ċar li l-partit tgħallem mill-iżbalji tal-passat u qed jipproponi pakkett ta’ proposti li jippremja negozjanti li jinvestu.

Hu semma’ l-proposta li biex jinċentiva aktar investiment fl-intrapriżi, Gvern ġdid tal-PN ser innaqqas r-rata tat-taxxa fuq il-qligħ tan-negozji għal 15% fuq l-ewwel €500,000 profitt.

Il-PN qed jipproponi miżuri li jinċentivaw lill-first-time buyers fejn l-inċentivi preżenti isiru permanenti bl-ammont li fuqu ma’ titħallasx bolla jkun ta’ €400,000.

Liż-żgħażagħ, taħt l-età ta’ 35 sena, li jkunu qed jixtru għall-ewwel darba, PN fil-Gvern se jtihom sussidju li jkopri sa 50% tal-imgħax fuq is-self sa €250,000, għall-ewwel ħames snin tas-self.

Ix-xerrejja l-oħra kollha li jieħdu self personali għal xiri ta’ propjetà residenzjali jikkwalifikaw għal tnaqqis tal-imgħax fuq is-self mid-dħul taxxabbli tagħhom, sa valur massimu tal-propjetà ta’ €350,000, għall-ewwel ħames snin tas-self.

Bernard Grech semma’ kif qed jipproponi wkoll għajnuna għal tisbiħ u titjib ta’ djar eżistenti. Dan meta se jagħti rifużjoni tal-VAT sa €3,000 fis-sena lis-sidien tad-djar, li tiżdied għal €6,000 fil-każ tal-familji li jinkludu pensjonant jew persuna b’diżabbiltà.

F’dak li għandu x’jaqsam bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent, il-PN qed jipproponi li biex art li mhux ODZ tiddaħħal fiż-żoni tal-iżvilupp ikun jinħtieġ il-vot ta’ żewġ terżi tal-Parlament. Il-PN ser jagħmel ukoll eżerċizzju li kull sena l-gvern iżid 50,000 metru kwardu ta’ art pubblika maż-żoni meqjusin barra miż-żona ta’ żvilupp. 

Waqt din il-laqgħa, il-President tal-MDA Michael Stivala, tkellem dwar diversi proposti li għadha l-Assoċjazzjoni filwaqt li wieħed seta’ jinnota kemm dak li qed jipproponi l-PN jaqbel ma dak li jridu l-MDA. Fosthom dwar il-first-time buyers, l-ODZ u anke fejn art tal-privat tinxtara bi prezz tas-suq.

Minn naħa tiegħu Bernard Grech stqarr li Gvern immexxi minnu ser jinċentiva lil min tassew irid jahdem, imma kulħadd irid jifhem li ghandu responsabiltajiet lejn il-pajjiż u l-komunità.

Jakkumpanjaw lil Bernard Grech għal din il-laqgħa kien hemm il-kandidati tal-PN Rebekah Cilia, Ivan J. Bartolo, Toni Bezzina u Ryan Callus.