Lokali

It-tfal jippreżentaw dokument ta’ proposti għall-elezzjoni

Matul il-jum tal-Erbgħa, numru ta’ tfal inġabru quddiem il-Parlament biex jippreżentaw dokument b’99 proposta hekk kif ninsabu ftit ġimgħat biss ‘il bogħod mill-elezzjoni ġenerali.

Dawn il-proposti saru bil-għan li t-tfal f’pajjiżna jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar l-ugwaljanza bejn it-tfal u l-adulti. Huma stiednu lill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali biex isiru Children’s Rights Champions u b’hekk ikunu għamlu wiegħda li se jipproteġu d-drittijiet tat-tfal.

Preżenti kien hemm il-President Emeritus, Marie Louise Coleiro Preca illi saħqet li din il-ħidma favur it-tfal mhux pass speċjali iżda dritt uman ghall-futur ta’ pajjiżna. Hi qalet li t-tfal għandhom id-dritt jesprimu lilhom infushom filwaqt li s-soċjetà għandha r-responsabbiltà li tisma’ u taġixxi favurihom.

Dawn il-proposti ġew approvati mill-Università ta’ Malta, bid-Dekan Andrew Azzopardi qal li wieħed ma jistax jinsa u jeskludi din il-proporzjon importanti tas-soċjetà li għandhom ikollhom vuċi u drittijiet daqs l-adulti.

Il-proposti saru wara li 20,000 tifel u tifla semmgħu leħinhom dwar dak li jixtiequ jaraw li jseħħ għall-madwar 69,000 tifel u tifla f’Malta.