Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu li hija tqila

Raġel ta’ 35 sena mill-Qawra nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi relatati ma’ vjolenza domestika, li hedded lil eks sieħba tiegħu li hija tqila, li għamel ħsara fil-proprjetà tagħha u li kiser il-libertà proviżorja. Il-Pulizija qalet li rċeviet tliet rapporti fil-konfront tar-raġel fi ftit jiem.

F’okkażjoni minnhom, huwa allegatament kisser il-bieb ta’ barra tas-sieħba tiegħu, darba oħra qagħad warajha bil-martell. Fit-tielet u l-aħħar rapport intqal li huwa kien iltaqa’ mal-eks sieħba tiegħu fit-triq u kien imbutta u qalibha ma’ l-art, dan meta l-mara hija tqila.

Huwa deher quddiem il-maġistrat Rachel Montebello, akkużat b’reati relatati, dik li kkawża lill-mara tibża’ mill-vjolenza, li weġġagħha ħafif, li insulta u heddidha, li għamlet ħsara fil-proprjetà tagħha u li hedded lill-ħabiba tal-mara b’mus. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li kien tpoġġa taħthom fl-2017 f’każ mhux relatat.

L-akkużat, li qal li jaħdem bħala galvanizzatur, qal lill-Qorti li jrabbi pappagalli, u li jieħu ħsiebhom. “Ma nistax nemmen dawn l-akkużi,” irrimarka f’xi punt. Huwa deher diżorjentat, u f’ħin minnhom qal lill-qorti li ma kienx jaf x’qed jgħid. L-avukat difensur Kris Busietta tenna li l-klijent tiegħu qed iwieġeb mhux ħati .

“Ċertament mhux ħati,” rreperta l-akkużat, li qala’ ċanfira mill-qorti. Id-difiża qalet li mhux se titlob il-libertà proviżorja f’dan l-istadju. “Dan huwa kollu ‘bullshit,” ilmenta mal-avukat tiegħu wara li l-maġistrat irtirat mill-awla. “Jien persuna vjolenti?” għajjat. L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni.