Raġel mill-Ghana se jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ omiċidju li seħħ f’Għawdex. Il-vittma hija Rita Ellul fejn kien nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija ġiet infurmata minn tim mediku tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza fi Triq Dun Franġisk Mizzi, Għajnsielem, Għawdex.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn f’waħda mill-kmamar instabet mara ta’ 49 sena mill-Iklin, li kienet iċċertifikata mejta. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Wara li nhar it-Tlieta wara nofsinhar ġie kkonfermat ir-riżultat tal-awtopsja li sar fuq il-katavru, il Pulizija bdiet titratta l-każ bħala wieħed ta’ omiċidju. Mill-awtopsja rriżulta li l-mara kellha marki li jindikaw li ġiet fgata. Fuq il-katavru kien hemm ukoll sinjali ta’ vjolenza fl-għonq u s-sider tal-mara.
Investigazzjonijiet konġunti mill-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omiċidji flimkien ma’ dawk tad-Distrett waslu immedjatament għall-arrest ta’ raġel ta’ nazzjonalità barranija li se jitressaq il-Qorti ta’ Għawdex taħt arrest, illum fis-1.30 pm. quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana, akkużat bil-qtil tal-mara. L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Ispetturi Kurt Zahra u Josef Gauci.
//= $special ?>