Lokali

Robert Abela ma tgħallem xejn

Robert Abela qed ikompli jikkonferma kemm ma tgħallem xejn mill-fatti koroh u gravi li seħħew f’Malta fl-aħħar snin meta awtorizza li billboard tal-Partit li huwa jmexxi jkun jinkludi wiċċ ta’ ġurnalist.

L-aħħar darba li l-Partit Laburista poġġa wiċċ ta’ ġurnalista fuq billboard kien ta’ Daphne Caruana Galizia u din inqatlet.

Fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-aġir ta’ Robert Abela huwa oxxen u m’għandux jinvolvi ġurnalisti li jdejquh għax jagħmlu xogħolhom u jinvestigaw kif inhu d-dmir tagħhom.  L-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta‘ Daphne Caruana Galizia qalet ċar u tond li l-aġir tal-Gvern fil-konfront tal-ġurnalista kien iffaċilita u wassal għall-qtil tagħha. Il-bord tal-inkjesta żamm lill-Gvern responsabbli.

Bernard Grech insista li dan il-billboard għandu jitneħħa minnufih.

Ġa huwa ħażin ħafna li fil-Parlament Robert Abela vvota kontra abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni li jagħti protezzjoni lill-ġurnalisti, pero issa Robert Abela kompla żied id-doża u ppermetta dan l-aġir oxxen.

Kull minuta li dan il-billboard idum ma jitneħħa tikkonferma kemm Robert Abela huwa maħtuf u mmexxi mill-istess nies li wasslu lil pajjiżna fl-istat li jinsab fih illum.   

Tags