Lokali

Ukrena miżżewġa Malti titlob l-għajnuna ta’ Malta fid-dawl tal-attakki fl-Ukrajna

Oksana le Brun, Ukrena li hi miżżewġa lil Malti, qed titlob lill-awtoritajiet Maltin biex jagħtu l-għajnuna tagħhom fid-dawl tal-invażjoni u l-attakki fuq l-Ukrajna mir-Russja. Hi saħqet li lura f’art twelidha għad għandha qraba, ħbieb, u kollegi.

Oksana indirizzat messaġġ fil-gazzetta Times of Malta lill-President ta’ Malta u lill-Prim Ministru fejn saħqet li art twelidha għandha bżonn kull għajnuna li pajjiżna jista’ jagħti.

Fost l-oħrajn, hi talbet biex pajjiżna jaqta’ lir-Russja minn sistemi pagabbli u servizzi bankarji filwaqt li jagħmlu boycott fuq prodotti li jiġu mill-istess pajjiż.

Hi rrikonoxxiet il-fatt li t-tfal Ukreni se jkollhom bżonn għajnuna psikoloġika biex ikunu jistgħu jmorru lura għall-ħajja li kienu jafu qabel bdiet l-invażjoni f’pajjiżhom.

Oksana qabblet il-kuraġġ li urew il-Maltin fl-Assedju l-Kbir u matul it-Tieni Gwerra Dinjija mal-kuraġġ li qed juru l-Ukreni biex jiġġieldu għal pajjiżhom.