Lokali

Wara d-dewmien biex jiddeċiedi, Abela għandu xi jwieġeb – Bernard Grech

Robert Abela għandu jwieġeb għaliex dam ġimgħa biex jiddeċiedi li jwaqqaf il-bejgħ tal-Passaporti lil ċittadini Russi u Belarussi. X’kien qed jistenna jew x’kellu bżonn jagħmel qabel ma ddeċieda?

Hekk staqsa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, meta mistoqsi mill-ġurnalisti matul konferenza tal-aħbarijiet, fejn kienet spjegata wkoll id-differenza kbira li ħarġet bejnu u Robert Abela.

Dan hekk kif, filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien deċiż u appella biex il-Passaporti ma jibqgħux jinbigħu lil dawn iċ-ċittadini, il-Mexxej Laburista kellu jsegwi wara ġimgħa b’konvenjenza għalih innifsu.

Bernard Grech qal li dan juri Robert Abela li ma jiddeċiedix u dawn id-dewmien kompla jkun ta’ pubbliċità ħażna lil isem pajjiżna. Għaldaqstant, tenna li fis-26 ta’ Marzu, il-poplu għandu għażla bejn Mexxej politiku li ma jafx x’inhuma l-prijoritajiet u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista li hu determinat u ċar fid-deċiżjonijiet meħtieġa.

Bernard Grech tenna li llum il-poplu fehem aktar kif il-Partit immexxi minnu kapaċi jagħmel id-differenza għax f’dan il-każ kien meħtieġ li l-poplu jibgħat verament messaġġ ċar favur il-poplu Ukren u s-sovranità tal-pajjiż.

Sadanittant, hu qal li jekk jirriżulta li kien hemm nuqqasijiet serji fil-mod kif kienu nxtraw il-Passaporti, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li tittieħed azzjoni għax jemmen li ċ-Ċittadinanza mhix għall-bejgħ għal min jiġi minn pajjiż li jrid jiddomina pajjiż ieħor.