Elezzjoni 2022

ABELA JKOMPLI JAĦRAB: Isejjaħ lill-media imma xorta joħroġ mill-bieb tal-ġenb

Abela għadu s'issa qed jaħrab dibattitu mal-Kap tal-PN Bernard Grech

Wara aktar minn ġimgħa u nofs ta’ kampanja elettorali, il-Leader tal-Labour Robert Abela reġa’ għażel li ma joħroġx mill-bieb prinċipali – iżda jaħrab mill-bieb tal-ġenb – biex jerġa’ jevita lill-ġurnalisti, li għamlu aktar minn siegħa jistennew attività tispiċċa biex jistaqsuh domandi dwar diversi temi importanti.

Minflok, Abela ħaffef il-pass – imdawwar minn ħafna membri tas-sigurtà – biex jevita milli jwieġeb dwar il-passat tiegħu u għaliex għadu ma ppreżentax il-Manifest tal-Labour.

Fost pressjoni qawwija li qed tiżdied fuqu, in-nies qrib ta’ Abela sakkru lill-ġurnalisti wara l-ħbula u saħansitra ġabu skuża bil-post fejn kienet qed issir l-attività biex jippruvaw jipproteġu lil-Leader milli jwieġeb il-mistoqsijiet li qed jagħmel il-poplu.

Dan f’mossa tipika mal-paniku tal-Labour meta l-Leader tiegħu jkun taħt pressjoni, bħal meta sakkar lill-ġurnalisti f’Kastilja biex il-Leader ikun jista’ jaħrab.

Indeċiż għall-aħħar u għax mhux kapaċi jwieġeb, Abela diġà għadda l-aħħar tlett ijiem jaħrab mill-ġurnalisti billi jħassar il-konferenza tal-aħbarijiet li, ta’ kuljum, kien qed jindirizza mir-Rialto f’Bormla.

Appati dan kollu – ftit anqas minn xahar minn meta l-poplu se jkun qed jagħżel Gvern ġdid – Robert Abela qed ikun sfurzat jaqra biss dak li jiktbulu.