Il-qawwiet tar-Russja issa ilhom ġimgħa jassedjaw lill-ibliet prinċipali tal-Ukrajna bħala parti minn invażjoni li daħħlet lill-Ewropa fl-akbar kriżi minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija
U filwaqt li l-attakki tar-Russi qed jintensifikaw, hu minnu wkoll li l-Armati tal-President Vladimir Putin baqgħu jitilfu numru sinifikanti ta’ suldati – b’mijiet ta’ truppi bil-lieva qegħdin iċedu lill-qawwiet Ukreni.
Intant, ħafna fost il-priġuniera Russi fl-Ukrajna qed jiżvelaw li l-awtoritajiet fil-Kremlin ‘gidbulhom’ dwar il-kampanja militari u li huma ma kenux infurmati li kienu deħlin f’din il-gwerra.
Madankollu, it-traġedja umana għall-Ukreni qed tkompli f’diversi bnadi u bliet fost konferma li ‘il fuq minn miljun refuġjat ħarbu mill-Ukrajna fejn qed ifittxu l-kenn fil-Polonja u bliet oħra tal-Ewropa. Dan ukoll meta mietu l-mijiet ta’ ċivili Ukreni taħt il-qilla tal-bumbardamenti mill-militar ta’ Putin.
Issa ngħatat il-konferma li l-belt ewlenija ta’ Kherson waqgħet kompletament f’idejn il-qawwiet Russi wara jiem ta’ bumbardamenti bla ħniena fuq il-belt u fost il-ġlied ‘minn dar għal dar’ bejn it-truppi ta’ Moska u d-difensuri li kienu jinkludu ċivili armati bil-bombi ‘Molotov’.
Intant, l-awtoritajiet f’Kherson għamlu appell imqanqal lil Vladimir Putin biex ma jinqatlux aktar ċivili f’din il-gwerra ‘bla raġuni’.
Il-belt ta’ Kherson għandha importanza strateġika bħala rotta minfejn jitwasslu l-provvisti lill-qawwiet Ukreni fi Kiev u bnadi oħra tal-Ukrajna. F’każ li r-Russi jaħtfu aktar bliet tan-nofsinar, it-truppi tal-Gvern Ukren jistgħu jispiċċaw iżolati u mingħajr l-għajnuna li tista’ tasalilhom mill-baħar.
//= $special ?>

