Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Kremlin se ‘jikkumpensa’ lill-familji tat-truppi Russi li nqatlu fl-invażjoni

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li se jikkumpensa lill-familji tat-truppi Russi li mietu waqt l-invażjoni tal-Ukrajna.

Putin, f’diskors waqt laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà Russa, mill-ġdid irreferea għall-battalji ta’ pajjiżu kontra ‘il-qawwiet neo-Nażisti fl-Ukrajna’ waqt li faħħar il-qlubija ‘tas-suldati erojċi ta’ Moska f’din il-gwerra ġustifikata’.

Ir-Russja, għalissa, qed tgħid li mietu madwar 500 suldat mill-Armata tagħha waqt il-kampanja militari fl-Ukrajna.

Iżda l-Gvern Ukren fi Kiev sostna li r-Russi qed jaħbu l-iskala tad-disfatti li sofrew f’diversi bnadi tal-Ukrajna u li l-veru ammont ta’ suldati Russi maqtula hu mill-anqas ‘għaxar darbiet ogħla’ miċ-ċifri preżentati minn Moska.