Is-Segretarju tad-Difiża tar-Renju Unit, Ben Wallace, ċaħad kategorikament l-istqarrija tal-President tar-Russja li ‘il-kampanja militari speċjali ta’ pajjiżu fl-Ukrajna miexi skont il-pjan oriġinali u skont il-pronostiku.’
Il-President Vladimir Putin — u l-media tar-Russja — qed jirreferu għall-invażjoni tal-Ukrajna bħala ‘kampanja militari’ u Ben Wallace qal li l-avvanzi tar-Russi, għalissa, jinsabu ‘staġnati’ f’diversi zoni Ukreni. Hemm ukoll indikazzjonijiet li r-Russja qed tipprova taħbi dwar kemm il-militar tagħha qed iħabbat wiċċu mal-intoppi u meta bħalissa qed jirrikorri għall-bumbardamenti kontinwi tal-ibliet u z-zoni residenzjali ( fl-Ukrajna).
” Minkejja l-qerda taz-zoni ċivili fost l-attakki tar-Russi, l-Ukreni qegħdin jadattaw ruħhom għal dawn il-kundizzjonijiet ta’ gwerra u beħsiebhom jagħmlu l-ħajja kemm jista’ ikun diffiċli għall-qawwiet barranin li daħlu pajjiżhom’, sostna s-Segretarju Wallace.
Hu kompla li l-imwiet fost is-suldati Russi qed jakkumulaw, b’numri kbir ieħor ta’ suldati Russi qegħdin iċedu lill-Ukreni jew litteralment jaħarbu mill-kampijiet tal-battalja. Minbarra dan, hu minnu li nqerdu kwantità kbira ta’ tankijiet tal-gwerra u vetturi militari tar-Russja.
Ir-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Punent qed jgħidu li l-belt ta’ Kiev — il-kapitali tal-Ukrajna — hi simbolika tal-fallimenti militari tar-Russi, meta serbut twil ta’ tankijiet ta’ Moska jinsabu weqfin barra l-belt fost nuqqas ta’ koordinazzjoni u ippjanar loġistiku.
Intant, Wallace tenna li Vladimir Putin ‘qed ipitter xenarju li hu ‘il bogħod mir-realtà waqt li llum spiċċa dejjem aktar iżolat wara li kiser kull liġi internazzjonali li teżisti’.
//= $special ?>

