Internazzjonali

Il-Moldova wkoll tista’ titlob li tissieħeb fl-UE fost “theddida ċara mir-Russja”

L-eks Repubblika Sovjetika tal-Moldova mistennija tapplika għal sħubija fl-Unjoni Ewropea — b’dan il-pass qed jitqies ‘imminenti’ minħabba t-theddida ċara mill-qawwiet tar-Russja għal dan il-pajjiż u r-reġjun kollu.

L-aħbar ingħatat wara li l-Georgia esprimiet il-ħsieb li wkoll tapplika biex tidħol fl-UE. Filwaqt li dan il-pajjiż u l-Moldova huma diġà parti mill-hekk-imsejħa ‘outreach programmes’ tal-UE, talbiet uffiċjali għall-isħubija fl-Unjoni għandha timmarka żvilupp storiku fir-relazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ repubbliki mal-grupp ta’ 27 Stati.

Kwalunkwe applikazzjoni  flimkien mal-kunsiderazzjoni tat-talba  jinvolvu proċess li s-soltu jieħu ħafna snin u li jesiġi l-bidliet u riformi politiċi fundamentali fil-pajjiżi applikanti.

Issa, il-Moldova qed tħares lejn il-futur b’element ta’ biża’ wara li l-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, żvela bi żball li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jaħseb biex jinvadi l-artijiet tal-Moldova ‘wara l-Ukrajna’.

Lukashenko ‘kixef l-id ta’ Putin’ waqt li kien qed jindirizza uffiċjali tas-sigurtà fil-Belarus u meta quddiemu kien hemm mappa b’dettalji tal-gwerra li fost oħrajn indikat kampanja militari tar-Russi li għandha ‘titlaq’ min-naħa t’isfel tal-Ukrajna qabel ‘l-invażjoni potenzjali tat-territorju tal-Moldova’.

Din il-mappa uriet ukoll il-pjani għall-battalja proposti għat-truppi Russi li bħalissa qed jippruvaw jaħtfu aktar artijiet fl-Ukrajna.