Internazzjonali

Ir-Russja tieħu l-kontroll tal-ewwel belt Ukrena Kherson

Il-forzi Russi ħatfu l-kontroll tal-belt Kherson .. l-ewwel belt ewlenija li ttieħdet mir-Russja, minn meta bdiet l-invażjoni tal-Gvern ta’ Putin fuq l-Ukrajna ġimgħa ilu. Dan ġie mħabbar mill-Gvern Russu fis-sigħat li għaddew.

Igor Kolykhaev, is-Sindku tal-belt kkonferma li t-truppi Russi daħlu u kissru l-bini tal-amministrazzjoni lokali.

Svetlana Zorina għalliema f’din il-belt, saħqet li n-nies qegħdin jibżgħu joħorġu minn djarhom, minħabba li issa s-suldati Russi qed jokkupaw iż-żoni kolha ta’ Kherson, filwaqt li diversi persuni qegħdin jistaħbew fil-kantini tad-djar tagħhom.

Zorina qalet li sa issa bejn 50 u 60 persuna sfaw maqtula wara li attakkaw tank Russu bil-bombi tal-pitrolju.

Dan filwaqt li komplew l-attakki mill-arju fuq Kharkiv, it-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna.

Fl-aħħar tmint ijiem, minn mindu l-Forżi Russi invadew l-Ukrajna, in-Nazzjonijiet Uniti ħabbret li madwar miljun Ukren ħarbu minn pajjiżhom u sabu refuġju f’pajjiżi ġirien.

Fost dawn il-pajjiżi, il-Polonja huwa l-aktar pajjiż li laqa’ fih refuġjati Ukreni, fejn aktar minn nofs miljun persuna ħarbu lejn dan il-pajjiż.

F’aħbar oħra, ħamest itfal u anzjana huma fost il-persuni Russi li ġew arrestati talli pprotestaw kontra l-gwerra fl-Ukrajna.

Sonya u David ta’ seba’ snin, Matvey ta’ disa’ snin, u Liza u Gosha ta’ 11-il sena nżammu arrestati flimkien mal-ġenituri tagħhom, wara li poġġew fjuri u żammew posters kontra l-invażjoni tal-Gvern Russu fuq l-Ukrajna barra l-ambaxxata tal-Ukrajna f’Moska.

Intant, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) nieda investigazzjoni dwar atti kriminali tal-gwerra u atti kriminali kontra l-umanità mwettqa mill-Forzi Russi fl-Ukrajna.

F’aħbar oħra li waslet aktar kmieni dalgħodu, Sajid Javid tenna li r-Renju Unit ta aktar minn 300,000 mediċina lill-Ukrajna, wara li llum wasal ajruplan ieħor fil-pajjiż. Is-segretarju tas-saħħa tar-Renju Unit qal “Aħna nibqgħu mal-poplu tal-Ukrajna u nkomplu nieħdu kull opportunità sabiex nagħtuhom l-appoġġ li għandhom bżonn.”