Lokali

Disa’ talbiet ambjentali biex mill-kliem immorru għall-fatti

Numru ta’ għaqdiet ambjentali qed jagħmlu disa’ talbiet għall-elezzjoni ġenerali biex pajjina ma jeħilx biss fil-kliem li jingħadd iżda mmorru għall-fatti.

L-għaqdiet BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Nature Trust-FEE Malta, u Ramblers Association of Malta għamlu dawn it-talbiet, fost oħrajn, biex ikunu nklużi fil-Manifest Elettorali:

  1. Governanza – Li jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni Maltija l-ħarsien tal-ambjent, il-kustodja u d-drittijiet tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni;
  2. Tibdil fil-Klima – Biex tassew tingħata prijorità lill-kriżi tal-klima bħala l-akbar theddida għall-umanità u l-pjaneta li teħtieġ azzjonijiet kuraġġjużi u immedjati fil-livelli kollha tal-gvern u tas-soċjetà;
  3. Mobilità Sostenibbli – Biex tipprijoritizza modi ta’ trasport pubbliku u attiv, billi jsir investiment f’konnessjonijiet tat-trasport pubbliku diretti, frekwenti u affidabbli u infrastruttura sikura, diretta u konnessa għall-mixi u r-rota, filwaqt li jinħolqu żoni pedonali fiċ-ċentri tal-irħula u tal-ibliet;
  4. L-iżvilupp Urban – Biex tirriforma l-Bord tal-Ippjanar tal-PA biex tiġi żgurata l-indipendenza politika u tfittex rappreżentanza bbażata fuq il-kompetenza;
  5. Politika Rurali – Biex tikkonkludi u tippubblika l-Abbozz tal-Politika Rurali u Gwida tad-Disinn tal-2020, li ilha fil-limbu minn Awwissu 2020;
  6. Ħabitat u Bijodiversità – Biex jiżdied il-proporzjon ta’ art li tgawdi protezzjoni ambjentali sħiħa u testendi l-footprint tar-riservi naturali eżistenti flimkien mat-twaqqif ta’ żoni ġodda għall-konservazzjoni sħiħa tan-natura;
  7. Żoni tal-Baħar – Biex tagħraf li l-akbar ħabitat ta’ Malta huwa l-baħar. Dan jirrikjedi li l-awtoritajiet jipprovdu r-riżorsi biex jinfurzaw u jipproteġu b’mod adegwat l-ambjent tal-baħar tagħna kontra sajd żejjed u attivitajiet ta’ sajd illegali, ankrar u rimi;
  8. Agrikoltura u Sistemi tal-Ikel – Li tappoġġja l-indipendenza tal-ikel billi jinħolqu mekkaniżmi li jiżguraw li l-art agrikola tibqa’ f’idejn il-bdiewa u li dawn ma jiġux żgumbrati minn arthom;
  9. L-Immaniġġjar tal-Iskart – Biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ħela tal-ikel. Dan għandu jinkludi li jsiru l-bidliet leġiżlattivi meħtieġa flimkien ma’ inċentivi għas-supermarkets u l-importaturi u d-distributuri tal-ikel biex jimminimizzaw il-ħela tal-ikel u biex l-ikel li jkun se jispiċċa mormi jiġi allokat, minflok, f’food banks.