Elezzjoni 2022 Lokali

Ġimgħa u nofs ta’ u-turns kolossali

Mill-kampanja għall-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu issa għaddew kważi ħmistax…u mingħand il-Labour s’issa l-poplu għadu qed jistenna kif jixtieq itejjiblu ħajtu. Minflok, Robert Abela għadu ma ppreżenta xejn ħlief negattività u attakki kontra l-Partit Nazzjonalista u esponenti tiegħu, kif ukoll wegħdiet ikkopjati jew irriċklati.

Fuq kollox, Abela wera nuqqas ta’ ħila b’diversi u-turns kolossali li żgur li se jibqgħu abbinati mal-Leader Laburista u l-kampanja tiegħu.

Primarjament il-mod kif waqqaf il-bejgħ tal-Passaporti għal ċittadini Russi u Belarussi wara l-pressjoni li saritlu minn Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll mill-Unjoni Ewropea, fost oħrajn.

F’dan il-każ, Abela baqa’ sal-aħħar ikaxkar saqajh. U biex jipprova jiġġustifika din il-u-turn, hu qal li s-sitwazzjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna ma tippermettix proċess xieraq ta’ due diligence fuq min japplika … xi ħaġa li jumejn biss qabel kien qal li ma kinitx problema.

U-turn oħra ta’ Abela li kkaratterizzat il-kampanja elettorali s’issa kienet it-tħabbira li għalissa se jitfa’ fil-ġenb il-bini ta’ marina fil-Bajja pittoreska ta’ Marsaskala wara li kien ilu għal diversi xhur jimpika mar-residenti Skalin u mal-NGOs billi jgħid li l-marina kienet bżonnjuża.

Kawża ta’ dan – u bl-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista – kienu organizzati diversi protesti, filwaqt li residenti saħansitra kienu waħħlu banners mal-gallariji tagħhom biex iwasslu messaġġ ċar lil Abela u sħabu li ma jridux il-qerda tal-Bajja.

Kellha tkun biss il-kampanja elettorali li wasslet lil-Leader tal-Labour jirtira ftit passi lura billi ħabbar – f’Marsaskala stess – li kien qed jitfa’ lill-marina fuq l-ixkaffa … mingħajr dikjarazzjoni ċara dwar x’se jiġri jekk fis-26 ta’ Marzu jirbaħ l-elezzjoni.

Bl-istess mod, Abela pprova jkompli jintogħġob mal-Iskalin u l-NGOs fit-tielet u-turn minn ħafna li għamel – dik li z-zona taż-Żonqor ma kinitx se tingħata lill-iżviluppaturi Ġordaniżi li diġà ħadu parti kbira mix-Xatt tal-Birgu għal suppost Università.

Fis-snin li għaddew, il-Labour appoġġja l-idea li ż-Żonqor ikun żviluppat – fl-istess żmien meta hu kien il-Konsulent tal-Kabinett f’Kastilja. Anke hawn, Abela għamel u-turn oħra … f’mossa oħra ta’ konvenjenza, anqas minn xahar minn meta l-poplu se jkun qed jeleġġi Gvern ġdid għall-ħames snin li ġejjin.