Elezzjoni 2022 Lokali

Ikompli l-proċess tat-tqassim tad-dokumenti tal-vot

Uffiċjali tal-Pulizija qed ikomplu jqassmu d-dokumenti tal-vot lil dawk eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-proċess, li beda nhar it-Tnejn, għandu l-għan li l-biċċa l-kbira tad-dokumenti tal-voti minn total ta’ ftit aktar minn 352,000 jitqassmu fir-residenzi. Dan il-proċess jibqa’ għaddej sa nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu, bl-uffiċjali, flimkien ma’ rappreżentanti tal-Partiti qed iduru d-djar bejn it-8.00a.m. u s-1.00 p.m. u bejn it-3.00 p.m. u d-9.00 p.m.

L-akbar perċentwal tal-voti li tqassmu sa issa huwa l-Imdina, fejn tqassmu aktar minn 82% tal-voti. F’din il-lokalità hemm biss 190 persuna eliġibbli għall-vot.

Il-lokalità bl-akbar numru ta’ votanti eliġibbli hija B’Kara fejn hemm 17,727 votant, li minnhom sal-Ħamis kienu tqassmu 8,668 vot jew kważi nofs il-voti kollha tal-lokalità.