Il-President tar-Russja – skont sorsi qrib il-Kremlin – ma kien żvela xejn dwar il-pjani għall-invażjoni tal-Ukrajna lill-Kabinett ta’ Moska. Dan waqt li l-uffiċjali ewlenin fil-kapitali Russa jinsabu xukkjati u ‘mhumiex lesti’ għall-mewġa tas-sanzjonijiet internazzjonali li r-Russja qed tkun suġġetta għalihom wara l-invażjoni.
Jidher li l-Kabinett Russu kien konxju li Vladimir Putin, jiem ilu, kien qed jippjana biex jirrikonoxxi lir-reġjuni (Ukreni) separatisti ta’ Luhansk u Donetsk bħala repubbliki ġodda. Iżda l-membri tal-Kabinett – fosthom Ministru ewlenin — fl-ebda ħin ‘ma kienu qed jistennew li Putin kellu jibgħat lill-Armati fl-Ukrajna.’
Għaldaqstant, l-ogħla uffiċjali fil-Kremlin ma kenux preparati għall-iskala tas-sanzjonijiet mill-Punent kontra Moska u issa qed jaħkem paniku fost l-ogħla istituzzjonijiet tat-tmexxija fil-kapitali Russa.
Jidher ukoll li ħafna uffiċjali tal-Gvern Russu riedu jirriżenjaw malli saru jafu bl-invażjoni iżda beżgħu li kienu jidhru bħala ‘tradituri’ f’għajnejn Putin – bl-azzjoni tissarraf fi priġunerija jew anki mewt.
Il-President Russu Vladimir Putin issa qed iwissi lill-pajjiżi li qed jopponu l-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna biex ‘ma jiggravawx is-sitwazzjoni’ bl-impożizzjoni ta’ aktar sanzjonijiet fuq pajjiżu.
Hu kompla li Moska ‘mgħandha l-ebda intenzjonijiet ħżiena’ fir-rigward tal-Istati ġirien u li ‘mhemmx il-ħtieġa biex dawn l-Istati jieħdu l-azzjonijiet li jgħarrqu r-relazzjonijiet ma’ Moska.’
//= $special ?>

