Il-gwerra fl-Ukrajna qed tħalli riżultati diżastrużi għall-qawwiet tar-Russja u l-alleati tagħha u meta issa qed jinqatlulhom dejjem aktar uffiċjali militari ewlenin — fosthom Ġenerali ta’ ċertu reputazzjoni — li wħud minnhom kienu qrib ħafna tal-President Russu Vladimir Putin.
Fl-aħħar jiem inqatlu żewġ Ġenerali — wieħed tal-qawwiet Ċeċeni alleati ma’ Putin u ieħor li kien jikkmanda r-riġmenti tal-paratruppi li qed jieħdu sehem fl-invażjoni tal-Ukrajna u li mifhum li kien ħabib personali tal-President Russu.
U issa, inqatlu talanqas tliet kmandanti militari oħra tar-Russja, wara li huma deċidew li jersqu aktar viċin iz-zoni tal-gwerra.
L-uffiċjali tal-Punent qalu li l-aħħar vittmi Russi jinkludu lil Andrei Sukhovetsky (ritratt), il-Viċi-Kmandant tal-41 Diviżjoni tal-Armata ta’ Putin li nqatel minn sniper. Intant, inqatlu wkoll kmandant ta’ diviżjoni oħra militari flimkien ma’ kmandant ta’ riġment partikulari.
Il-kmandanti Russi qed jippruvaw jissieħbu mas-suldati tagħhom waqt l-assedju fuq l-ibliet Ukreni u wara li l-ġlied spiċċa staġnat fuq diversi fronti. Huma qed jagħmlu dan biex jagħtu spinta akbar lill-attakki fuq id-difensuri Ukreni, iżda waqt li huma qed jippruvaw jimponu l-personalità tagħhom waqt il-gwerra, dan qed jesponihom għal sogru ferm akbar mis-snipers u l-gruppi tal-ġellieda Ukreni.
//= $special ?>