Il-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi kkundannaw bla riservi lir-Russja wara li l-qawwiet tagħha ħatfu l-kontroll tal-akbar impjant nukleari fl-Ewropa. Dan il-pass mir-Russi sar possibbli wara bumbardament feroċi fuq l-impjant tal-Ukreni….Bumbardament li ħalla l-mejtin u l-midruba u li, għal ftit żmien, fetaħ beraħ il-possibbiltà ta’ splużjoni traġika fis-sit li setgħet tkun ferm akbar mill-isplużjoni nukleari storika ta’ Chernobyl, matul is-snin tmenin.
Il-kriżi ġdida żbruffat wara li l-qawwiet tal-President Russu Vladimir Putin attakkaw direttament l-impjant ta’ Zaporizhzhia — u bir-riżultat li qabdu n-nirien f’din il-faċilità. Intant, in-nirien, maż-żmien, kienu kontrollati, bl-uffiċjali jtennu li dan is-sit, issa, hu ‘sikur’.
Madankollu, l-attakki bla heda u indiskriminattivi mill-Armata ta’ Putin qegħdin jiftħu dejjem aktar probabbiltajiet ta’ traġedja umana jerġa’ akbar milli rat id-dinja matul is-seklu l-ieħor.
Dan minkejja li l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) – bħala l-osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti – qalet li ma kenux affettwati l-livelli tar-radjazzjoni fil-kumpless ta’ Zaporizhzhia
Fil-fatt, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-attakk fuq l-impjant ta’ Zaporizhzhia ‘seta ikkaġuna konflagrazzjoni nukleari sitt darbiet akbar minn ta’ Chernobyl, li jibqa’ l-akbar diżastru nukleari li qatt rat id-dinja fi żmenijiet ta’ paċi.
Dan meta fl-1986, reattur fl-impjant nukleari ta’ Chernobyl kien sploda fost l-iżbroff ta’ dħaħen radujattivi qattiela li nfirxu madwar l-Ewropa.
Sadnittant, il-mexxejja tad-dinja akkużaw lir-Russja b’li qed tipperikola l-ħajja tal-kontinent kollu tal-Ewropa – bl-akbar kundanna tkun tal-President Zelensky li qal li l-Kremlin ta’ Moska hu ħati minn ‘azzjoni terroristika fuq livell nukleari’.
Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ħeġġeġ biex Moska ma tkomplix bl-azzjonijiet militari madwar dan is-sit nukleari, bil-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, iħeġġeġ biex ‘jieqfu minnufih l-attakki terribbli fuq il-poplu Ukren’.
Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson ukoll ikkundanna l-attakk fuq l-impjant waqt li qal li l-aġir perikoluż u irresponsabbli ta’ Moska kapaċi jservi bħala theddida diretta għas-sigurtà ta’ kull ċittadin Ewropew.
Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja rrifjuta li jaċċetta responsabbiltà għal din l-azzjoni li perikolat lill-kontinent sħiħ Ewropew. Minflok, il-Ministeru qed jgħid – mingħajr ma jipproduċi l-provi — li n-nirien fl-impjant inkwistjoni ‘kienu dovut għall-aġenti Ukreni li jridu jwettqu s-sabutaġġ fl-Ukrajna bil-ħsieb li jwaħħlu fir-Russja għal dawn l-azzjonijiet’.
//= $special ?>